Il-Chaos ta’ Merkel.

Il-kap tal-Ġermanja, Angela Merkel ħaditha bi kbira ħafna li fil-belt Ġermaniza ta’ Ħamburg kien hemm tlett ijiem u tlett iljieli ta’ rvellijiet kontra l-mexxejja tal-G20 li kienu qegħdin jiltaqgħu ġewwa din il-belt.

Merkel kella għalxiex toħodha bi kbira, mhux biss għax hija waħda mill-mexxejja prominenti tal-G20, allura l-irvellijiet kienu wkoll kontra tagħha, iżda wkoll għaliex kienet hija li għażlet il-belt ta’ Ħamburg biex jiltaqgħu dawn il-kbarat. Bla dubju l-irvellijiet kienu ħafna aktar ta’ suċċess milli kienet il-laqgħa tal-kbarat tal-G20, għax filwaqt li l-kbarat ma ħallew l-ebda riżultat għall-popli bil-laqgħa tagħhom, l-irvellijiet urew mad-dinja kollha fejn qiegħed iħabbat il-polz tal-poplu fl-Unjoni Ewropea.

Iżda Merkel ma kella l-ebda dritt titkaża bid-dimostranti. Ma kellha l-ebda dritt toħodha bi kbira għax id-dimostranti ħolqu “chaos” kif qalet hija. Veru li d-dimostranti ħolqu tlett ijiem ta’ chaos, jew straġi sħiħa. Dan huwa fatt.

Iżda l-chaos li ħolqu id-dimostranti ġo Ħamburg huwa biss nitfa ċkejkna daqs l-atomu, komparat mal-chaos li ħolqu ħafna mill-mexxejja tal-G20, inkluż Merkel innifisha. Fil-Libja qatlu 30,000 ruħ, tefgħu il-kimiki fuq il-poplu, u kissru pajjiż sħiħ. Fl-Iraq qatlu nofs miljun ruħ u ħolqu tlett miljun refuġjat. Nistgħu nkomplu fl-Afganistan, fis-Sirja u fil-Jemen. Id-dimostranti ta’ Ħamburg ma qatlu lil ħadd, ma tefgħux bombi fuq ħadd. Vera ma tafx tistħi Angela Merkel, li kienet kompliċi f’dawn l-atroċitajiet kollha, biex tkażat bid-dimostranti.