Il-bini u l-għelt tiegħu – minn Micheal Grech

Dan l-artiklu kien ippublikat fuq il-ġurnal illum tal-Ħadd 23 ta’ Ġunju, 2019, miktub minn Micheal Grech li hu għalliem tal-filosofija fil-Junior Collage tal-Universita ta’ Malta .

Diffiċli żżid kliem ta’ indinjazzjoni dwar it-traġedji li qed iseħħu fl-industrija tal-bini fuq skala regolari ma’ dak li diġà ntqal. Li ngħati l-kondoljanzi lil min spiċċa mejjet u solidarjietà ma’ min spiċċa bla dar huma affarijiet ovvji, imma meħtieġa.

Nispera li dawn ma jispiċċawx minsija meta ‘tfaqqa’ xi kwestjoni oħra (li mhux darba jew tnejn tkun ċuċata, u mhux bħal f’dawn il-każi traġedja). U l-vittmi tal-industrija tal-bini mhumiex biss dawk li spiċċaw b’darhom imġarrfa; vittmi ta’ traġedja li qed jikxfu kemm bosta minnha ‘Maltin tat-triq’ spiċċajna vulnerabbli u bla sigurta’ f’darna għax xi ħadd li jiddeċiedi li ‘jinvesti’ ħdejna, li ovvjament għandu ir-riħ fil-poppa fil-qagħda pro-buisness li hawn, jaħseb li jista` jagħmel li jrid anke a skaptu ta’ darna u ħajjitna.

Qed nirreferi ukoll għal vittmi oħra ta’ din it-traġedja, nies li aktarx ġejjin minn barra, li spiss qed iweġġgħu u jitilfu ħajjithom fuq lantijiet tax-xogħol li għandhom livell ta’ sigurta mill-agħar.  (Qarib tiegħi li jaħdem fl-industrija tal-bini mir-Renju Unit – li issa ħerġin mill-Unjoni Ewropea –dejjem jistaqsini jekk Malta hix tassew membru ta’ din l-għaqda Ewropea meta jinnota kemm il-livell ta’ sigurta’ fuq ix-xogħol hawn hu baxx u ineżistenti, meta mqabbel ma’ dawk li r-Renju Unit kellu jadotta sforz l-UE.

Bħal affarijiet oħra favur iż-żgħir tal-Unjoni mid-dehera, din hi ħaġa li baqgħet fuq il-karta).  Rigward dawn il-ħaddiema, in-nuqqas t’azzjoni min-naħa tal-unions (tneħħi xi stqarrija mingħajr effett) hi tat-twaħħix. Għamlu tajjeb ferm l-organiżatturi tal-protesta tat-18 ta’ Ġunju li rabtu t-traġedji ta’dawn it-tnejn (min qed taqalgħu daru u min qed imut) għax tassew huma.

Vittmi oħra ta’ din l-industrija huma dawk li qed isibuha diffiċli ferm biex ikollhom saqaf fuq rashom mingħajr sagrifiċċji enormi u minkejja li l-kwantita’ ta’ bini fis-suq kuljum tiżdied konsiderevolemnt. Dan tas-saqaf għal ġieħna, suppost dritt bażiku Hemm ukoll dawk li qed ibatu mit-tbiċċir tal-kampanja li, vera, hi tagħna wkoll, imma fil-verita` dawk li jbatu l-aktar mill-qirda tagħha huma dawk li jifilħu l-anqas finanzjarjament. Min għandu qliegħ jiflah imur dartejn jew aktar barra jistrieħ fil-kwiet. Min jaqla` ftit, il-kampanja tagħna biss għandu.

            Dawn, u bosta oħra, huma it-traġedji li l-industrija tal-bini fil-mod selvaġġ li bih hi mħaddma qed tħalli. Madankollu fil-bqija tal-artiklu ser nipprova immur l’hinn minn dmugħ u kundanni u imiss ftit il-kaġun ta’ dan kollu. 

Ekonomija mnellħa

Il-protesta li saret f it-18 ta’ Ġunju kienet tajba u meħtieġa. Jekk sforz ta’ din l-inizjattiva’ u ta’ oħrajn simili tiżdied is-sigurta` kemm ta’ min joqgħod qrib fejn joqgħod qed isir xi xogħol u, nittama min jaħdem f’dan il-qasam, ikun inkiseb riżultat. Madankollu jeħtieġ li wieħed imur l’hinn mit-traġedji immedjati u jara l-kaġun li minħabba fih l-industirja tal-ġebla għanda il-ħakma li għanda fuq pajjiżna

            Kaġun ewlieni li jgħati saħħa kbira lill-iżvilupatturi hi li din hi l-unika industrija labour intensive li għad baqa’. Waqt li fis-snin sebgħin, tmenin u l-bidu tas-snin disgħin kien hemm industirji oħra bħal dawk tal-manifattura li jassorbu eluf ta’ ħaddiema, minn nofs is-snin disgħin dawn bdew imanjaw konsiderevolment. Is-servizzi offshore u tal-logħob tal-ażżard iġibu l-kapital. Hi l-industrija tal-bini madankollu, li direttament u indirettament tferra dan fil-bqija tal-ekonomija.

            Problema oħra hi li ta’ l-anqas mill-Indipendenza l’hawn tal-anqas, anke fi żmien fejn kien hemm industriji li jħaddmu ħafna nies li mhumiex il-bini, il-ġebla dejjem kienet investiment li jirrendi. Wara l-1987 il-valur tal-bini baqa’ dejjem jogħla konsiderevolment. Fl-aħħar snin, il-qliegħ marbut ma investiment f’dan is-settur sploda. U dan il-qliegħ ma jinvolvix biss lil investituri l-kbar li, ovvjament, qed jieklu l-biċċa l-kbira tat-torta. Hemm ħafna nies bi qliegħ mhux baxx imma lanqas kbir ħafna li qed igawdu (u li tispjega għalfejn il-PL sejjer tant tajjeb fl-elezzjonijiet). Ejja nieħdu persuna li ġemmet 120, 000 ewro, li mhumiex ftit imma lanqas huma xi kapital ta’ barra minn hawn li ftit nies jirnexxielhom ifaddlu. X’investiment jaqbilla’ tagħmel illum persuna bħal din li jirrendilha qliegħ sew u fi ftit żmien? Xi darba (meta kellek imgħax ta’ madwar 5%) persuna ta’ dan it-tip kienet titħajjar tpoġġi ċifra bħal din il-bank. Illum dan spiċċa. X’investiment hu vjabbli? Tixtri flatt u tikrih. B’hekk tibda tara numru ta’ mijiet ta’ ewri żejda fix-xahar. Dawn m’għandhomx interess li l-affarijiet jimbidlu, ambjent u mhux ambjent.  

            Hemm imbagħad id-domma tat-tkabbir ekonomiku li dwarha kont ktibt f’artiklu ieħor. LINKKY. Jekk ser nibqgħu nassumu li hu ovvju u tajjeb minn ewl id-dinja li l-ekonomija tibqa’ dejjem tikber, irridu nkunu lesti niffaċjaw il-konsegwenzi ta’ dan, fosthom li Malta tibqa’ kalamita għal nies jiġu jaqilgħu ewro (il-vittmi) jew bosta ewri minn hawn, bil-pressjoni li dan iwassal għaliha fuq akkomodazzjoni u infrastruttura. Vera li hemm limiti ta’ daqs u infrastrutturali ta’ kemm il-pajjiż jiflaħ ikompli jibni, u ġustament min hu kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi spiss jipponta lejn dawn. Madankollu sakemm naslu li niġu wiċċ imbwiċċ mad-daqas u l-limiti tagħna fadal.

Jekk irid ikun effettiv u jaqbad il-barri minn qrunu, il-moviment kontra l-ħakma tal-iżviluppaturi jeħtieġ jiġbed lejh ekonomisti li kapaċi jipproponu mudell ekonomiku differenti.  Inkella nibqgħu nibku meta sseħħ traġedja (u dan hu sew), imma ma nibdlux fundamentalment l-istampa l-kbira.