Dan l-aħħar reġet qamet il-kwistjoni dwar kif għandha tiġi emmendata l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Issemmew diversi punti li hemm bżonn jitjiebu u li allura tajjeb jekk jiġu emendati. Iżda dwar id-drittijiet fundamentali tal-ħaddiema u tal-poplu li jistgħu jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni ma ssemma xejn.
Għalhekk tajjeb li nibdew billi nfakkru li, meta sentejn ilu il-gvern kien ħatar lil Franco Debono bħala l-Koordinatur tar-Reviżjoni tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, il-Front Maltin Inqumu kien kiteb lil Debono bħala Koordinatur u għamel proposti ta’ drittijiet industrijali u soċjali li għandhom jiġu miżjuda fil-Kostituzzjoni ta’ Malta b’mod li jkun jorbot lill-gvern tal-ġurnata. B’hekk il-poplu jserraħ aktar rasu li dawn id-drittijiet ikunu aktar fis-sod għax la jkunu mniżżlin fil-Kostituzzjoni ma jkunux jistgħu jittneħħew malajr għax biex jitneħħew ikun hemm bżonn żewġ terzi tal-parlament.
L-ittra lil Franco Debono intbagħtet minn Sammy Meilaq u Karmenu Mifsud Bonnici nhar it-28 ta’ Ottubru 2015. (ara l-covering letter hawn)
Il-Front Maltin Inqumu qiegħed jinsisti li fil-Kostituzzjoni jidħlu diversi drittijiet. Ħafna minnhom diġa qegħdin jittħaddmu fil-prattika, allura żgur li m’hemmx skuża biex ma jiddaħħlux fil-Kostituzzjoni. Fost dawn id-drittijiet proposti mill-Front Maltin Inqumu hemm dawn:
(1) Paga Minima li tkun biżżejjed biex tgħix biha
(2) Iż-żieda tal-għoli tal-ħajja u tal-penzjonijiet regolarment.
(3) Id-dritt tal-istrike
(4) Id-drittijiet industrijali ma jistgħux jiġu rinunzjati.
(5) Id-dritt għas-servizz tas-saħħa pubbliku b’xejn għal kulħadd.
(6) Id-dritt li t-taxxi jkunu b’mod li min jiflaħ l-aktar iħallas l-aktar.
Il-Front Maltin Inqumu se jibqa’ jinsisti għal dawn id-drittijiet issa li hemm il-possibilita li tiġi emmendata l-Kostituzzjoni.
It-test kollu ta’ l-ittra li jirrigwardja dawn id-drittijiet huwa dan li ġej: