MINN SAMMY MEILAQ PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU
Kemm il-darba qegħdin nisimgħu li għandu jsir xi tibdil fil-Kostituzzjoni ta’ Malta, li hija l-għola liġi tal-pajjiż. Madwar tlett snin ilu il-gvern kien anke wasal li ħatar lil Dr Franco Debono bħala Kordinatur għar-Reviżjoni tal-Kostituzzjoni. Jidher li għal xi żmien kollox kien waqaf iżda dan l-aħħar reġa’ qiegħed isir diskors dwar li għandu jerġa jibda dan il-proċess.
Meta l-gvern kien ħatar lil Dr Franco Debono, il-Front Maltin Inqumu (FMI) kien kitiblu u kien ressaqlu l-proposti tal-Front. L-ewwel waħda kienet li Malta tintrabat li b’żieda man-Newtralità taħdem ukoll biex ikun hawn id-diżarm, speċjalment fil-Mediterran. Iżda barra minn hekk konna ipproponejna ukoll li d-drittijiet industrijali tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol ukoll jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni b’mod li dawn ikunu jorbtu legalment lill-gvern tal-ġurnata. B’hekk il-ħaddiema jkunu assigurati li l-ebda gvern ma jkun jista’ jneħħihom jew inaqqashom permezz ta’ maġġjoranza sempliċi fil-Parlament, għax ikun irid żewġ terzi biex dawn jinbidlu.
Il-proposti tal-FMI kienu jinkludu li l-ġurnata tax-xogħol ma taqbizx it-tmien siegħat u l-ġimgħa tax-xogħol ma taqbizx l-40 siegħa; li l-gvern għandu jara li paga minima tkun biżżejjed biex tlaħħaq mal-ħajja; li id-drittijiet tal-ħaddiema ma jkunux jistgħu jiġu rinunzjati, lanqas mill-ħaddiema stess; li l-gvern ikun obbligat li jordna iż-żieda tal-għoli tal-ħajja regolarment u li din tkun l-istess għal kullħadd; u li d-dritt tal-istrajk jiġi prottett aktar billi jiġi iddikjarat li huwa dritt tal-bniedem.
Ma teżisti l-ebda skuża għaliex dawn id-drittijiet industrijali ma jiddaħħlux fil-Kostituzzjoni b’mod li jkunu jorbtu lill-gvern tal-ġurnata legalment. Ir-raguni hawnhekk hija sempliċi ħafna. Mintoff kien daħħal dawn id-drittijiet fil-prattika għaxriet ta’ snin ilu u dejjem ħadmu tajjeb ħafna. Tant illi illum kulħadd iqishom bħala drittijiet stabbiliti. Iżda l-verita hija xort’oħra. Diversi dawk li jħaddmu jaraw kif jagħmlu u jċaħħdu drittijiet lill-ħaddiema. Barra minn hekk m’hemm l-ebda garanzija li fil-ġejjieni ma jkunx hemm xi gvern li jipprova jnaqqas minn dawn id-drittijiet. Matul is-snin li għaddew rajna l-ħaddiema fil-Greċja, fl-Italja u fi Franza jitilfu drittijiet industrijali li missirijiethom kienu tant tħabtu għalihom fil-passat.
Għalhekk il-Front Maltin Inqumu se jkun lest biex ikompli jinsisti li dawn id-drittijiet jiddaħħlu fil-Kostituzzjoni. Mill-banda l-oħra, iżda, il-unions ewlenin Maltin, il-General Workers Union, il-Confederation of Malta Trade Unions, (li tinkludi il-Union Ħaddiema Maltin) u l-Forum Unions Maltin, għandhom l-obbligu li jingħaqdu flimkien u wkoll jiddomandaw li dawn id-drittijiet jiddaħħu fil-Kostituzzjoni ta’ Malta.