
MINN SAMMY MEILAQ PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU.
Ftit ilu, eżattament fl-14 ta’ April, Emanuel Macron, il-President ta’ Franza, tkellem fil-Parlament tal-Unjoni Ewropea. Faħħar kemm felaħ il-mod demokratiku, skond hu, li timxi bih l-Unjoni Ewropea, tant li qal li l-Unjoni Ewropea hija mudel demokratiku uniku li d-dinja kollha għanda timxi warajh. Fl-istess ħin ilmenta kontra il-mewġa ta’ oppożizzjoni dejjem tikber kontra l-kbarat tal-Unjoni Ewropea u wissa li din l-oppożizzjoni tista’ tkisser id-demokrazija fl-Ewropa.
Dan id-diskors ta’ Macron tgħidx kemm ġie mfaħħar mill-media ewlenija kapitalista, inkluż il-Financial Times u n-New York Times. Xieraq allura li hawnhekk wieħed ifakkar ftit x’jifhem eżattament Macron b’demokrazija fl-Unjoni Ewropea.
Bħalissa Macron għaddej bi gwerra sħiħa kontra l-unions u l-ħaddiema fi Franza biex ikompli jkisser id-drittijiet demokratiċi tal-ħaddiema billi jimponi aktar kundizzjonijiet ta’ xogħol prekarju. Erbat ijiem qabel tkellem fil-Parlament tal-Unjoni Ewropea, Macron attakka Damascu u Homs, żewġt ibliet fis-Sirja mingħajr il-mandatt demokratiku tan-Nazzjonijiet Magħquda. Ġimgħa qabel id-diskors tiegħu huwa ordna attakk minn 3000 pulizija armati kontra dimostranti Franċiżi li kienu qegħdin jipprotestaw demokratikament kontra l-qirda tal-ambjent.
Ftit ġranet wara dan id-diskors Macron iltaqa’ ma’ Merkel biex flimkien jiddeċiedu kif għandha timxi l-Unjoni Ewropea, għax għal Macron biżżejjed dak li jgħid huwa u li tgħid Merkel. Kieku kien demokratiku kien iqis mhux biss x’jgħidu il-mexxejja tal-pajjiżi l-oħra fl-Unjoni Ewropea, imma kien qabel kollox jara x’iridu il-500 miljun li jiffurmaw l-Ewropa. Dik hija l-vera demokrazija.
Barra minn dan kollu għal Macron id-demokrazija tfisser ukoll li tintaxxa l-poplu biex tissussidja l-banek privati falluti bil-korruzzjoni u bil-kriminalita organizzata; li ‘żżarma l-welfare state kemm tiflaħ; li tkabbar kemm tiflaħ id-diżugwaljanza soċjali; u li tuża flus il-poplu biex tkabbar il-firxa tal-armamenti qerrieda.
Fil-verita allura dak li jrid Macron huwa dittatorjat kontra l-klassi tal-ħaddiema filwaqt li jsejjaħlu demokrazija. Biex tkun verament demokratiku ma tistax tmur kontra l-interessi tal-klassi tal-ħaddiema għax din il-klassi biss hija dejjem l-aktar waħda kotrana.