Id-29 ta’ Jannar huwa l-jum li jorbotna

euFis-sena 2008 il-Parlament Malti daħħal lill-poplu fit-Trattat ta’ Lisbona, trattat li ipproponiet l-Unjoni Ewropea. (Jissejjah ta’ Lisbona għaliex kien f’din il-belt Portugiza fejn il-kbarat tal-Unjoni Ewropea qablu dwar x’ikun fih dan it-trattat).  B’hekk il-Parlament rabat lill-poplu bil-kundizjonijiet ta’ dan it-trattat. Din ir-rabta ġiet deċiża f’laqgħa tal-Parlament Malti fid-29 ta’ Jannar tal-2008, disa’ snin ilu, u kemm il-Gvern Nazzjonalista kif ukoll l-Oppożizjoni Laburista qablu dwar din ir-rabta.

Il-Parlament dan kollu wettqu bil-moħbi tal-poplu, għaliex ma mexxa l-ebda diskusjoni pubblika dwar dan it-trattat. Mhux talli hekk, imma biex żgur kollox isir inkiss inkiss, lanqas fil-Parlament ma saret diskussjoni dwaru!

Għaliex kollox sar inkiss inkiss? Għaliex kollox sar bla ma l-poplu ġie ikkonsultat? Għaliex il-partiti politiċi ma talbux il-kunsens tal-poplu qabel ma daħħlu lil Malta f’dan l-irbit? Ir-risposta għal dawn il-mistoqsijiet toħroġ minn dak li fih dan it-trattat.

Malli l-Parlament aċċetta dan it-trattat il-qrati Maltin tilfu l-awtorita tagħhom u sfaw suġġetti għall-qrati tal-Unjoni Ewropea u jridu joqgħodu għad-deċiżjonijiet tagħhom. Il-Bank Ċentrali ta’ Malta ġie taħt l-awtorità tal-Bank Ċentrali Ewropew u allura jrid jimxi skond il-politika monetarja anti-soċjali li tħaddan l-Unjoni Ewropea, kif ukoll skond il-politika ta’ l-Unjoni Ewropea li bi flus il-poplu jissussidja il-banek privati falluti. Dan it-trattat rabatna wkoll li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea jkollhom id-dritt li jkunu huma li jdaħħlu lill-poplu Malti fi trattati internazzjonali, flok ikun il-poplu Malti li jiddeċiedi għalieh stess. Xieraq li wieħed ifakkar hawnhekk li waħda mill-kundizzjonijiet li ried Mintoff biex isir ftehim mal-Unjoni Ewropea kienet eżattament li Malta jibqalha id-dritt li tiddeċiedi hija jekk tidħolx f’xi trattat internazzjonali.

S’hawnhekk diġa biżżejjed biex wieħed jinduna għaliex kollox sar bil-moħbi. Għax kieku l-Parlament ikkonsulta mal-poplu żgur li ma kienx isib l-appoġġ għal dan it-tibdil kontra id-drittijiet tal-poplu Malti. Iżda hemm aktar u agħar minn hekk.

Dan it-trattat ħoloq ukoll kap wieħed tal-Unjoni Ewropea biex imexxi l-politika barranija tal-attakki flimkien kontra pajjiżi żgħar u militarment anqas armati. Naturalment fit-trattat din tissejjah Politika ta’ Difiża Komuni, iżda mill-2008 l-hawn l-interventi militari li saru mill-Unjoni Ewropea kollha kienu ta’ attakk u mhux ta’ difiża.

Biex tagħqad imbagħad, il-Parlament, meta iffirma dan it-trattat kompla żarma lill-poplu Malti minn kull saħħa li seta’ kellu fid-deċiżjonijiet li jolqtuh. Fl-2003 il-poplu Malti aċċetta, permezz ta’ referendum, li jidħol fl-Unjoni Ewropea, u fl-2004 Malta daħlet. Il-kundizzjonijiet tas-sħubija li dħalna bihom kienu jinkludu li Malta kellha l-veto fuq l-aktar deċiżjonijiet kbar tat-tmexxija li jolqtu lill-poplu. Dan kien ifisser li jekk Malta tgħid le għal xi deċiżjoni, din ma tgħaddix. Mhux hekk bqajna wara li fid-29 ta’ Jannar tal-2008 il-Parlament rabatna b’dan it-trattat. Issa id-deċiżjonijiet bdew jittieħdu b’maġġoranza sempliċi u kull pajjiż ikollu voti skond kemm għandu popolazzjoni.

Dan ifisser li l-vot tal-Ġermanja huwa ta’ 16.5%, ta’ Franza 13%, tal-Ingilterra 12.4%, u tal-Italja 12%. Bejniethom dawn il-pajjiżi kbar jikkmandaw kollox għax ghandhom saħħa ta’ maġġoranza ta’ 54%. Jikkmandaw aktar mill-24 pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea li flimkien għandhom saħħa ta’ vot ta’ minoranza ta’ 46%. U kemm ġie jiswa l-vot ta’ Malta b’dan it-trattat? Il-vot ta’ Malta ġie jiswa 0.1%! Lanqas saħħa ta’ vot wieħed ma baqalna, għax saħħa ta’ wieħed minn għaxra ta’ vot jiswa l-vot ta’ Malta! Fid-29 ta’ Jannar 2008 il-Parlament Malti ċaħad l-aktar id-drittijiet tal-poplu Malti biex irregalhom għotja lill-Unjoni Ewropea. Għalhekk kollox sar inkiss inkiss u bil-moħbi.

U sal-lum, disa’ snin wara, il-Parlament għadu jostor kemm jiflaħ dan il-jum. Isiru ċelebrazzjonijiet għal kull okkażjoni, monumenti għal ġrajja u għal oħra, konferenzi u dibattiti dwar ħaġa u dwar oħra, iżda dwar it-trattat ta’ Lisbona skiet perfett.

U bilfors is-skiet. Għax x’se jaqbdu jgħidu dwar dan it-trattat? Il-verita li tfissru fi ftit kliem hija li bih sirna qaddejja tal-kbarat mhux-eletti ġewwa Brussell. Għalhekk il-Front Maltin Inqumu  jgħid li għandna jew nibdlu l-ftehim mal-Unjoni Ewropea jew noħorġu.