45 sena t-Tarzna ta’ Malta. Kien viċin il-Perit Mintoff, ħassieb xellugi u persuna li ħadem bla heda għad-drittijiet tal-ħaddiema Maltin. L-ILLUM tintervista lil Sammy Meilaq
LIAM CARTER / 23 TA’ FRAR 2019 via www.illum.com.mt
Twieled Bormla, daħal it-Tarzna ta’ 16-il sena u spiċċa mid-dmirijiet tiegħu 45 sena wara. Ispirat mill-kitbiet ta’ Marx, ħaddiem bis-sħiħ għad-drittijiet tal-ħaddiema u kien strumentali f’diversi azzjonijiet industrijali diretti bla preċedent. Sal-aħħar ġurnata fit-Tarzna ta’ Malta baqa’ spalla ma’ spalla ma’ sħabu l-ħaddiema anke meta kien fit-tmun ta’ dik li kienet waħda mill-akbar industriji f’Malta.
Din il-ġimgħa l-ILLUM iltaqgħet ma’ Sammy Meilaq, issa fi żmien aktar paċifiku tal-irtirar. Miegħu ddiskutejna diversi suġġetti fosthom, id-drittijiet tal-ħaddiem, l-istat tas-soċjaliżmu dinji, ir-ruħ soċjali tal-Partit Laburista u l-paragun bejn Duminku Mintoff u Joseph Muscat.
L-inkwiet tiegħi huwa fuq il-partiti soċjalisti kollha fl-Ewropa
Dan il-Gvern Laburista sikwit ikun ikkritikat għaliex skont bosta m’għadux jimxi wara t-twemmin soċjalista u minflok ittrasforma ruħu f’wieħed kapitalist. Bħala persuna li dejjem ħaddan it-twemmin soċjalist u dak Marxist, veru tilef ruħu l-Partit tal-Ħaddiem?
Huwa jibda billi jgħid, “għalkemm hawn nuqqasijiet kbar fil-politika soċjali u industrijali tal-Gvern, li kieku tilef ruħu ma kienx jirbaħ żewġ elezzjonijiet b’maġġoranza elettorali.”
“L-inkwiet tiegħi huwa mhux biss fuq il-Partit Laburista ta’ Malta iżda fuq il-Partiti Laburisti kollha fl-Ewropa. M’hawnx Partit Laburista wieħed fl-Unjoni Ewropea li għandu maġġoranza ħlief dak f’Malta, dan għaliex kollha telqu l-politika soċjalista u ħawdu fl-istess borma tal-politika neo-liberali,” sostna Meilaq.
Hu jgħid li din it-taħlita kienet, “id-dnub tan-nisel’, għaliex skontu, “illum il-ħaddiema qegħdin jimxu ’l bogħod mill-Partiti Soċjalisti fl-Ewropa u minflok il-partiti tal-lemin qegħdin jonsbu dawn l-istess ħaddiema li jinsabu bla ragħaj u joffrulhom biċċa misruqa mill-idea soċjalista.”
Meilaq ikompli jispjega, “kuntrarju għall-partiti l-oħra, il-PL taħt Joseph Muscat la waqa’ fuq naħa u lanqas fuq oħra, irnexxielu jmur tajjeb maż-żewġ klassijiet soċjali. Dan billi stimula l-ekonomija u inċentiva l-privat u mill-banda l-oħra ħoloq inċentivi għall-ħaddiem.”
‘Li hawn nies foqra u m’għandhomx fejn jgħixu huwa falliment’
“Kieku jagħmel bħal Mintoff, dan il-Gvern ma jkollux għalfejn jibni aktar”Minkejja dan kollu, hu tal-opinjoni li din is-sistema xorta qed twassal għal ‘fallimenti’ soċjali u oħrajn industrijali.
“Li hawn nies bla dar huwa falliment, li hawn nies jgħixu fil-faqar huwa falliment ieħor. Mira ta’ Gvern Laburista għandha tkun li ma jkunx hawn nies fil-faqar jew bla saqaf fuq rashom,” saħaq Meilaq.
Hu jkompli jgħid li llum hawn il-problema tal-‘working poor’, jiġifieri ħaddiema li għandhom xogħol però xorta waħda ma jistgħux ilaħħqu mal-ħajja.
“Il-Gvern irid jagħmel ħafna aktar, il-problema tal-akkomodazzjoni soċjali kienet kbira ħafna qabel Mintoff, imma xorta rnexxielu jsolviha. Tant hu hekk li fi żmienu kien hawn provvista li teċċedi d-domanda.”
Skont Meilaq, il-Gvern jista’ jsolvi din il-problema billi jieħu paġna mill-ktieb ta’ Mintoff u jimponi kontrolli fuq il-kera filwaqt li jieħu fi ħdanu postijiet battala u jinkrew lil dawk fil-bżonn.
“Kieku jagħmel bħal Mintoff, dan il-Gvern ma jkollux bżonn jibni aktar,” saħaq Meilaq.
‘Qatt ma kien hawn xogħol prekarju daqs illum’
Tul ħajtu Meilaq kien strumentali fil-ġlieda nazzjonali għal aktar drittijiet tal-ħaddiema. Flimkien ma’ kollegi tiegħu kien responsabbli għal azzjonijiet industrijali bla preċedent fosthom strajks ġewwa t-Tarzna u azzjonijiet oħra diretti ’l bogħod mit-Tarzna.
Madankollu, riċentement ġie rrapportat li 33% tal-ħaddiema huma membri f’Unions. X’jaħseb li qed iwassal għal din ir-rata baxxa?
Meilaq kien pront biex jisħaq, “dan huwa riżultat tal-kontradizzjoni storika li dan il-pajjiż għaddej minnu. Malta għaddejja minn tkabbir ekonomiku bla preċedent, hawn kważi kulħadd jaħdem u fl-istess waqt il-ħaddiem qiegħed igawdi minn miżuri varji li Gvern attwali wettaq. Minkejja dan, qatt ma kien hawn xogħol prekarju daqs illum,” sostna Meilaq.
Skontu, “il-prevalanza tax-xogħol prekarju hi waħda mir-raġunijiet prinċipali wara din ir-rata baxxa. Minħabba f’hekk, il-militanza tal-ħaddiema naqset sew għaliex fejn il-ħaddiem m’għandux stabbiltà, jibża’ jingħaqad u dak li jħaddem jinnegozja ras imb ras miegħu.”
Iżda mhux hekk biss, hekk kif hu saħansitra jgħid li, “illum il-ġurnata, il-militanza tal-ħaddiem naqset u dik ta’ min iħaddem żdiedet.”
Meilaq jirrakkonta każ partikolari fejn skontu ntwera dan b’mod ċar.
“Xi żmien ilu, ħareġ avviż legali li ppropona tliet affarijiet raġenovli: li l-ħaddiem jingħata ‘breakdown sheet’ mill-impjegatur, li l-ġranet frank akkumulati matul is-sena jibqgħu jgħoddu wkoll is-sena ta’ wara u li l-massimu ta’ frank sfurzat jkun ta’ 12-il ġurnata biss. Fid-dawn ta’ dan l-avviż legali, Malta Employers Association ipprotestaw u kulħadd baxxa rasu.”
Skont Meilaq, “trid issir ġlieda f’livell politiku fil-konfront tal-gvern tal-ġurnata. Għaliex il-Gvern qiegħed jagħtihom li jridu lil min iħaddem bl-iskop li l-ekonomija tkompli tikber. Għalhekk għandu obbligu li jorbothom aktar wara kollox il-Gvern mhuwiex jirrestrinġi l-privat anzi huwa wieħed business friendly.”
‘Mhux veru li l-Maltin ma jridux jagħmlu ċertu xogħol’
Hawn min hu tal-fehma li l-Maltin ma jridux jagħmlu ċertu xogħol li jidher qed issir biss mill-barranin, fosthom xogħol fil-qasam tal-kostruzzjoni u tat-turiżmu. Imma dan minnu?
Skontu,“għalkemm illum il-Maltin mhumiex qed ifittxu ċertu xogħol għaliex is-suq qed jipprovdi xogħol aħjar, huwa fatt li l-ħaddiema barranin qed jintużaw bħala cheap labour u dan imbagħad qed jaffettwa l-livell tal-pagi.”
Meilaq jisħaq li, “kieku hemm kundizzjonijiet tajbin, dawn ix-xogħlijiet jagħmluhom il-Maltin. It-Tarzna kien hemm xogħol iebes ta’ strapazz u periklu imma fejn kien ikun hemm is-sahra konna mmorru, u niġġieldu biex nagħmlu siegħa żejda. Mhux veru li l-Maltin ma jridux jagħmlu ċertu xogħol, il-Maltin jiġġieldu biex jaħdmu diment li hemm kundizzjonijiet tajbin,” sostna Meilaq.
‘Nemmen li l-paga minima għandha tiżdied’
Skont statistika tal-Eurostat il-paga minima f’pajjiżna hija inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea. Ix-xahar li għadda wkoll, l-MEP Laburista Alfred Sant ippropona żieda ġenerali ta’ 5% fil-paga minima fl-Ewropa kollha. Il-paga minima f’pajjiżna għandha tiżdied? X’jaħseb Meilaq?
“Il-Gvern għamel xi ħaġa però nemmen li għandu lok fejn jagħmel aktar. Din għandha togħla għal tliet raġunijiet; l-ewwel nett l-ekonomija tiflaħ, it-tieni għaliex din iż-żieda se terġa’ tistimula aktar tkabbir hekk kif tiżdied in-nefqa u fl-aħħar nett għaliex b’din iż-żieda tkun qed issir il-ġustizzja soċjali.”
“Illum il-ħaddiema qegħdin jimxu ’l bogħod mill-Partiti Soċjalisti fl-Ewropa u minflok il-partiti tal-lemin qegħdin jonsbu dawn l-istess ħaddiema li jinsabu bla ragħaj u joffrulhom biċċa misruqa mill-idea soċjalista”Hu jkompli jispjega kif skontu, “it-tkabbir ekonomiku ġie rreġistrat bil-ħidma kollettiva tal-ħaddiema u mhux bix-xogħol ta’ persuna waħda. Għalhekk il-ħaddiema jridu jieħdu l-biċċa tagħhom.”
Apparti minn hekk, Meilaq hu tal-opinjoni li l-paga minima għandha ssir daqs il-living wage, propju kif kien għamel l-eks Mexxej Laburista Duminku Mintoff.
Joseph Muscat u Duminku Mintoff huma politiċi identiċi?
Ovvjament b’żewġ rebħiet elettorali storiċi, fost affarijiet oħra, Joseph Muscat laħaq stima politika li ftit mexxejja tal-Partit Laburista irnexxielhom igawdu minnha u għalhekk sikwit jiġi mxebbah bħala t-‘Tieni Salvatur ta’ Malta’ però dan il-paragun bejn Mintoff u Muscat hu validu?
Meilaq jgħid li, “il-linja politika tagħhom mhux l-istess, żgur ma kinux jaqblu fuq il-pożizzjoni ta’ Malta eżempju fir-rigward tal-Libja u b’mod aktar reċenti tal-Veneżwela, ma tistax tpoġġihom bħala żewġ mexxejja identiċi. Apparti minn hekk ir-rebħiet elettorali li għamel Muscat qabżu fid-daqs ta’ Mintoff, imma naħseb Muscat għadu ma laħaqx il-livell ta’ politika soċjali ta’ Mintoff.”
‘Jidher biċ-ċar li t-Tarzna ngħalqet bi skop politiku’
It-Tarzna kif kien jafha Meilaq inbidlet għalkollox meta tlesta l-proċess ta’ privatizzazzjoni. Dak iż-żmien ma kinux saru xi dimostrazzjonijiet minn ħaddiema oħra għalihom. Kien qiegħed jistenna azzjoni kotrana tal-ħaddiema fir-rigward tagħhom, ġaladarba issa kienu huma li fil-bżonn?
Meilaq jgħid li, “aħna qbiżna għal ħaddiema oħra għaliex konna akbar minnhom u kellna s-saħħa biex nagħmlu dan, ma tistax tiddependi fuq iż-żgħir biex isalva lill-kbir.”
Minkejja dan hu jisħaq li, “dan ma kienx l-akbar fattur però fl-għeluq tal-istorja tat-Tarzna għaliex illum jidher biċ-ċar li t-Tarzna ngħalqet bi skop politiku. Kien hemm telf ikkaġunat bis-sitwazzjoni tas-suq però, bil-miżuri li ttieħdu mill-ħaddiema it-tiswija kienet saret profitabbli iżda minflok it-Tarzna b’pożizzjoni strateġika eċċellenti għaddiet għand Palumbo, Tarzna tat-tielet diviżjoni.”