Ir-riżultat tal-elezzjoni għall-President tal-Istati Uniti wera li Donald Trump ġab madwar 60 miljun vot waqt li Hillary Clinton ġabet madwar nofs miljun vot aktar minnhu. Iżda Trump ġie elett President għax kiseb aktar “electoral collages” minn Clinton. Din il-kuntradizzjoni mhux l-ewwel darba li ġrat fl-Istati Uniti. Meta fl-2000 kien ġie elett George W. Bush, il-kontestant l-ieħor, Al Gore kien ukoll ġab nofs miljun vot aktar minn Bush. Jidher li l-Amerikani lesti jgħixu b’din il-kuntradizzjoni għax ħadd ma jipproponi li tinbidel il-kostituzzjoni biex b’xi mod tirrimedjha.
Xorta waħda jibqa’ l-fatt iżda, li Trump ġab ħafna miljuni ta’ voti. Meta wieħed iqis kemm kellu kontra tiegħu waħidha toħrog il-mistoqsija: kif irnexxielu jikseb daqshekk voti?
L-ewwel nett Trump kellu ż-żewġ partiti l-kbar kontra tiegħu, għax mhux biss il-Partit Demokratiku kien kontra tiegħu imma anke l-mexxejja tal-partit tiegħu stess, il-Partit Repubblikan, kienu kontra. B’riżultat t’hekk allura anke l-gazzetti u t-televiżjoni kienu l-biċċa l-kbira kontra tiegħu. Kellu wkoll imbagħad programm li kien jinkludi proposti li jmorru kontra libertajiet ċivili u kontra l-protezzjoni tal-ambjent. Biex tagħqad imbagħad inkixef f’diversi każijiet ta’ allegazzjonijiet ta’ abbużi fuq diversi nisa.
Imma biex wieħed jifhem x’ġara irid jara l-istampa kollha. Fost l-aktar kwistjonijiet li kienu qegħdin idejqu lill-Amerikani kien hemm (u għad hemm) is-sitwazzjoni tan-nuqqas ta’ xogħol, ta’ pagi dejjem jonqsu billi jitilfu mill-valur tagħhom, ta’ xogħol prekarju, u ta’ diżugwaljanza dejjem tikber bejn min għandu ħafna u min għandu ftit (jew m’għandu xejn). Fil-Partit Demokratiku, Bernie Sanders kellu programm li jekk jintagħżel biex jikkontesta u jekk jitla’ President kien se jikkummbatti dan kollu permezz ta’ żewġ linji politiċi. Sanders wiegħed li bħala gvern jibda’ jinvesti hu direttament fl-infrastruttura u fl-industrija u ma jibqax jiddependi biss fuq il-privat għall-investiment. Wiegħed ukoll li jżarma l-ftehim ma’ pajjiżi barranin (Free Trade Deals) biex ikun jista’ jagħmel id-dazji fuq prodotti importati u b’hekk jerġa jqajjem l-industriji Amerikani li issa kważi ġew fix-xejn minħabba dawn it-trade deals. Dawn l-industriji jinkludu it-tessuti, l-azzar, il-vetturi, il-minjieri, u oħrajn.
Ġara iżda li l-kbarat tal-Partit Demokratiku xejn ma qablu ma’ Sanders dwar dan. Huma għamlu minn kollox biex ifixkluh u taw l-appoġġ kollu tagħhom lil Hillary Clinton. Fit-tellieqa gewwa l-Partit Demokratiku Sanders għamel kampanja qalbiena imma l-appoġġ tal-kbarat għal Clinton xaqleb il-miżien favur tagħha u ntagħżlet hija biex tikkontesta f’isem il-partit.
Issa mill-banda l-oħra anke Donald Trump wiegħed l-istess tibdil fil-qasam tax-xogħol, jiġifieri li l-gvern jinvesti direttament u li jwarrab jew jibdel it-trade deals. U bla dubju dan il-fatt kien il-fattur ewlieni li kabbar il-voti ghal Trump, għax huwa rnexxielu jirbaħ l-istati ta’ Mitchigan, Wisconsin u oħrajn, li huma l-aktar li sofrew mit-telfien tax-xogħol tal-industriji. Issa dawn l-istati dejjem kienu jintrebħu mill-Partit Demokratiku, u bla dubju kieku ħareġ Sanders kieku aktar u aktar kien jerbaħhom. Dwar il-ħolqien tax-xogħol Sanders kien jitwemmen aktar minn Trump għax huwa kien ilu is-snin fis-Senat Amerikan jgħid x’għandu jsir, waqt li Trump kien għadu dieħel ġdid fix-xena.
Meta wieħed iqis dawn il-fatti kollha joħorġu ċari żewġ konklużjonijiet. L-ewwel hija li l-poplu Amerikan irribella kontra iż-żewġ partiti l-kbar għax riedu jibqu’ mexjin bil-politika kontra l-ħolqien tax-xogħol u kontra t-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol. L-oħra hija li kienu l-kbarat tal-Partit Repubblikan li taw ir-rebħa lil Trump għax rażżnu lil Sanders flok appoġġjawh.