Għall-okkazjoni tal-anniversarju tat-twelid tal-Perit Mintoff il-Front Maltin Inqumu qiegħed ixandar riproduzzjoni mis-suppliment tat-Torċa li ħareġ nhar is-7 ta’ Awwissu, 2016
L-ewwel wieħed li qam joħodlu b’idejh u jifraħlu lil Mintoff fis-Sala tal-Arazzi fil-Plazz fejn kien jiltaqa’ il-Parlament kien Robbie Borg Olivier, ħu Ġorġ Borg Olivier, li kien għadu kif sar Prim Ministru wara l-mewt tal-Prim Ministru Nerik Mizzi li f’ ġieħu kienet saret is-seduta tal-Parlament li fiha taw l-eloġji tagħhom Ġorġ Borg Olivier, Pawlu Boffa u Dom Mintoff.
Dak ta’ Mintoff kien l-aqwa u l-isbaħ fost it-tliet diskorsi. Għax għalkemm kien avversarju politiku aħrax ta’ Mizzi, Mintoff wera li kien jammirah li f’ ħajtu żamm dejjem sod, u bata għall-prinċipji politiċi tiegħu kontra l-ħakma fuq Malta tal-Gvern Imperjali Ingliż. Mintoff ma xxaħħahx ifaħħar il-patrijottiżmu ta’ Mizzi u wera li kien se jkun huwa fit-tmexxija tal-ġlieda għad-drittijiet politiċi tal-poplu Malti, mingħand il-Gvern Imperjali Ingliż.
Għaddew 66 sena minn dik is-seduta Parlamentari li għalijha kont preżenti ma’ żgħażagħ oħra fl-iStrangers Gallery. Għadu f’ moħħi l-kliem kommoventi ta’ Mintoff dwar Nerik Mizzi. Għadha quddiem għajnejja wkoll ix-xena impressjonanti ta’ kif Nazzjonalisti akkaniti li kienu fl- iStrangers Gallery marru kollha madwar Mintoff biex jifirħulu u joħdulu b’idejh.
Qered il-Mandraġġ
Liż-żgħażagħ segwaċi tiegħu ta’ Caedejn li bħali konna f’dawk is-snin nimmilitaw fil-Moviment Żgħażagħ Ħaddiema Nsara mwaqqaf minn Cardejn, Mintoff kien jimpressjonana għall-ħidma dinamika tiegħu biex itejjeb il-livell tal-għejxien tas-setturi tal-poplu li kienu l-aktar fil-bżonn u mċaħħdin mill-kumditajiet tal-ħajja.
Laqtitna ħafna l-azzjoni kuraġġuża tiegħu kontra l-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jeqred l-aktar ġerħa soċjali tal-Belt, li kien il-mandraġġ. Minfloku bena blokki ta’ appartamenti diċenti u djar komdi għall-familji li qabel kienu jgħixu iffulati f’ ambjent nieqes mill-arja, għal kollox mhux iġeniku, li ma kienx jixraq lill-bniedem li joqogħdu fih.
Qered il-lebbra f’ Malta
Lil sħabi żgħażagħ u lili kien laqatna ħafna l-mod deċiż li bih Mintoff qered il-mard tal-ġdiem li kien ilu s-snin jifni lill-poplu Malti. Bagħat fi sptarijiet barranin Maltin li kienu jsofru mil-lebra, u ġab f’ Malta speċjalista li mexxa l-ġlieda kontra dik il-pjaga soċjali. Illum baqa’ biss l-isptar abbandunat tal-lebrużi, ħdejn ir-raħal tal-Għargħur. Ftit għadhom jafu lil Mintoff din l-opra soċjali kbira tiegħu li tagħmillu tant ġieħ.
L-iskop tal-Integration
Ħafna miż- żgħażagħ tas-snin ħamsin ma konniex fhimna u qbilna mal-pjan ta’ Mintoff tal-Integration ta’ Malta mar-Renju Unit. Ma konniex fhimna t-twemmin tiegħu li biex il-poplu Malti jimxi ‘l quddiem soċjalment, kien fundamentali li l-ewwel itejjeb il-qagħda ekonomika tal-pajjiż. Għaldaqstant wara li ma kienx irnexxielu jirbaħ il-ġlieda għal sehem mill-Marshall Aid Amerikan, ried li b’qabża waħda bl-integration jikseb, għall- Maltin, livell ta’ għexien ekwivalenti għal dak li kellhom l-Ingliżi. Iżda aħna dak iż-żmien ma fhemniex l-istrateġija ta’ Mintoff li biha kien jeqred f’daqqa l-faqar u n-nuqqas ta’ xogħol f’pajjiżna. Anke Mabel Strickland opponiet l-integration. Niftakarha tgħidli li kienet għamlet żball. Stqarret li kienet opponietha għax emmnet il-biża’ li wera l-Arċisqof Gonzi għat-twemmin Kattoliku tagħha.
Liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali
Meta fis-sena 1969 il-Ministru għax-xogħol Ċensu Tabone ressaq abbozz ta’ liġi dwar ir-relazzjonijiet industrijali, ibbażat fuq il-liġi li l-Prim Ministru Ingliża Tatcher kienet irnexxielha tgħaddi biex trażżan l-qawwa tat-trejd unjins u xxekkel l-azzjonijiet industrijali tal-ħaddiema, Mintoff mill-Oppożizzjoni ħalef li dik il-liġi ma tgħaddix mill-Parlament. Għamel front wieħed ma’ Joe Attard Kingswell, is-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union (GWU) li tagħha dak iż-żmien kont Avukat flimkien mal-Professur Cremona.
Niftakar li wara waħda mil-laqgħat li l-GWU kellna mal-Ministru Tabone, li ried jagħmel gwerra lill-Unjin u l-Oppożizzjoni Laburista, morna nirraportaw ir-riżultat lil Mintoff fil-kamra tal-Oppożizzjoni fil-Parlament. Huwa fehem li l-ġlieda politika kienet ser tiħrax u beda jgħid kif kellna nħejju għaliha. Jien wrejt dubji dwar xi miżura li huwa ppropona, iżda huwa mal-ewwel qalli: “Xbin, inti aħseb biss li tifirxilna xbieha ta’ sigurtà legali ħalli jekk naqgħu ma nweġġgħux legalment, u lilna (jiġifieri lilu u lil Attard Kingswell) ħallina nissaraw kif nafu aħna biex nirbħu l-ġlieda. “Mintoff ġġieled din il-ġlieda tant sewwa li l-Prim Ministru Borg Olivier ħass li kien aħjar li l-Abozz tal-Liġi industrijali ma tkomplix tiġi diskussa aktar u waqgħet fuq ommha.
Il-ftehim mal-Gvern Ingliż tal-1972
L-avvanz ekonomiku u soċjali li ma rnexxilux jikseb għall-poplu Malti fil-ħamsinijiet bl-integration, Mintoff kien deċiż li jiksbu bil-ftehim li għamel fl-1972.
Huwa ġiegħel lill-Gvern Ingliż u lin-NATO jħallsu kera ta’ 14-il miljun liri sterlini fis-sena għal seba’ snin biex ikunu jistgħu jużaw l-faċilitajiet u l-bini maqbula mal-Gvern Malti. Il-ġlieda li għamel Mintoff kienet qalila ħafna u aktar minn darba s-Servizzi Ingliżi ħejjew biex jitilqu minn pajjiżna.
Ġorġ Agius, li kien dak iż-żmien imexxi lill-GWU għax Joe Attard Kingswell kien inħatar “Roving Ambassador” biex jirrapreżenta lil pajjiżna f’ħafna pajjiżi barranin u istituzzjonijiet internazzjonali, niftakru jfissirli t-tattika li uża Mintoff. Li kien juri intransiġenza kbira mal-Gvern Ingliż.
Dan filwaqt li mal-mexxejja tal-Unjin u s-Segretarji tat-Taqsimiet tal-ħaddiema tas-Servizzi Ingliżi, kien jinsisti li jkomplu jinnegozjaw mal-uffiċjali tas-Servizzi Ingliżi. Kien jinsisti li ma jqattgħux il-karti magħhom, iżda jibqgħu jżommu kuntratti magħhom. Dan għax pajjiżna ma kienx imħejji li jitlef l-eluf ta’ impjiegi tal-Maltin dak iż-żmien.
Iżda lill-Gvern Ingliż, Mintoff kien jurih li pajjiżna kien lest jgħaddi mingħajr is-Servizzi Ingliżi jekk ma jintlaħaqx ftehim tajjeb biżżejjed għal Malta. Mintoff rebaħ il-ġlieda, minkejja l-oppożizzjoni Nazzjonalista f’ pajjiżna u tal-imperjalisti, fosthom , li għalihom l-Ingilterra kienet tiġi qabel Malta.
Ma nistax ma nfakkarx il-qlubija li l-ħaddiema tas-Servizzi Ingliżi wrew matul dik it-taqtigħa u fis-snin ta’ wara, meta kienu lesti jissagrifikaw l-impjiegi tagħhom għall-kisba tal-Ħelsien sħiħ ta’ pajjiżna. L-appoġġ tagħhom lil Mintoff qatt ma naqas. Emmnu fil-ħila tiegħu u ma żbaljawx.
Għaqal fit-tmexxija
Il-miljuni li ġab mill-Ingilterra u minn għadd ta’ pajjiżi barranin ħbieb ta’ pajjiżna, Mintoff għaraf kif iħaddimhom biex jagħti sisien sodi lill-ekonomija ta’ pajjiżna, mhux aktar ibbażata fuq infiq tas-Servizzi Ingliżi. Darba meta rrimarkajtlu li proġett li kien qed jipproponi kienu jqumu ħafna, qalli li l-problema li kellu ma kienetx li pajjiżna ma kellux flus, iżda fiex jonfoq il-flus li kellu f’proġetti u li jkattru l-ġid lill-poplu.
Kien jonfoq bil-għaqal. Ħaġa tal-iskantament kif irnexxielu jibni welfare state, pensjonijiet lil kulħadd, kura fl-isptar b’xejn, edukazzjoni b’xejn, iwaqqaf l-Air Malta u s-Sea Malta, jibni l-housing estates ma’ Malta u Għawdex, jgħolli l-pagi kull sena, u ma jgħamilx dejn. Anzi faddal l-miljuni. Irnexxielu jfaddal u xorta bena mitjar internazzjonali, iktar baċir fil-Mediterran, u l-Free Port ta’ Birżebbuġa. Record impressjonanti ta’ ġenju politiku li twieled mitt sena ilu.