Issa għaddew ħames snin minn meta Gaddafi inqatel mill-koalizzjoni tar-ribelli, l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea. Sal-lum ħadd ma jaf eżatt kemm hemm gvernijiet imexxu biċċiet mill-Libja l-hemm u l-hawn. Bejniethom dawn il-gvernijiet għadhom lanqas qablu dwar abbozz ta’ Kostituzzjoni biex jiddiskutuh forsi xi darba fil-Libja jkun hemm il-liġi għallanqas fuq il-karta. Wieħed mill-gvernijiet, dak ta’ Serraj, li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti qegħdin jippruvaw jimponu fuq il-Libjani, tant mhux aċċettat li jidher li qed jisfaxxa għax fis-sena żmien li suppost ilu jaħdem għadu lanqas biss beda’.
Il-Libja issa ilha ħames snin għaddejja minn tħarbit, qtil, ġlied, u serq. L-ekonomija tal-pajjiż tkissret. Il-ġlied u l-qtil bejn il-Libjani stess għadu għaddej u ħadd ma jissogra jbassar meta se jieqaf. Anke jekk u meta jieqaf, il-mibheda li issa daħlet ma tintemmx malajr, u tibqa tħalli effetti koroh għal ħafna u ħafna snin. Dawn il-ħames snin, allura, kienu wkoll prova storika li Gaddafi, bin-nuqqasijiet tiegħu b’kollox, kien l-aqwa mexxej Libjan.
Gaddafi kien il-mexxej li neħħa ir-Re Idris u għamel il-Libja Repubblika. Din ir-revoluzzjoni repubblikana Gaddafi wettaqha bla tixrid ta’ demm, mhux bħal ma qiegħed jiġri illum. Malli kien fil-poter mill-ewwel beda’ jiżviluppa l-biedja. Il-produzzjoni taż-żejt għaddijha taħt il-kontroll tal-gvern Libjan, għax taħt ir-Re kienet għal kollox ikkontrollata mill-kumpaniji barranin u l-poplu Libjan kien fl-għama kemm u kif qiegħed jittella żejt, u l-qliegħ kien sejjer l-aktar għad il-kumpaniji barranin. Illum, bil-ġlied li hemm fil-Libja, l-industrija taż-żejt bil-kemm qiegħda taħdem.
Hekk kif żviluppa l-ekonomija, Gaddafi żied il-pagi tal-ħaddiema, bena djar għall-poplu, għamel it-tagħlim għal kulħadd b’xejn, u ħoloq servizz tas-saħħa b’xejn għal kulħadd.
Fuq kollox Gaddafi kiseb il-Ħelsien għal pajjiżu. Taħt ir-Re Idris, l-Istati Uniti u l-Ingilterra kellhom il-bażijiet militari fil-Libja biex permezz tagħhom ikunu jistgħu jattakkaw pajjiżi oħrajn, inkluż pajjiżi Għarab. Gaddafi neħħa dawn il-bażijiet militari ftit wara li ħa t-tmexxija tal-Libja f’idejh.
Il-Libja taħt Gaddafi kienet pajjiż fejn stajt tipprattika ir-reliġjon tiegħek fil-liberta kollha, allura l-Insara wkoll kellhom il-mezzi biex jgħixu ta’ nsara. Biex żamm dan id-dritt Gaddafi kellu ħafna konflitti mal-musulmani tal-Al Qaeda u tal-Muslim Brotherhood li kemm il-darba ipprovaw jopponuh bil-vjolenza.
Bla dubju Gaddafi kellu n-nuqqasijiet tiegħu. Jidher li żamm wisq il-poter politiku f’idejh u ma fehemx li l-poplu Libjan ried li jieħu aktar parti diretta fid-deċiżjonijiet tat-tmexxija tal-pajjiż. Jidher ukoll li kien qiegħed jibni dinastija fit-tmexxija tal-Libja, bit-tfal tiegħu jiddaħħlu fl-għola livelli tal-poter. Iżda anke b’dawn in-nuqqasijiet, l-istorja tal-Libja illum hija xiehda li Gaddafi kien l-aqwa mexxej Libjan.