Antoine Deltour u Raphael Halet huma żewġ impjegati ta’ Pricewaterhouse Coopers, li sentejn ilu kixfu kif Jean-Claude Juncker, meta kien prim ministru tal-Lussimburgu kien bena moħba fejn mijjiet ta’ kumpaniji kbar privati jpoġġu il-flus li jaqalgħu bla ma jħallsu it-taxxa fil-pajjiż fejn ikunu qedin joperaw. Fost il-kumpaniji li nkixfu hemm il-Pepsi, l-Ikea, il-Heinz, JP Morgan, l-Amazon, u ħafna oħrajn kbar. Deltour kixef ukoll kif Pricewaterhouse Coopers kienet kompliċi fit-tħaddim ta’ din il-moħba.
Permess ta’ din il-moħba dawn il-korporazzjonijiet kbar privati irnexxielhom jevadu biljuni kbar ta’ euros fil-ħlas tat-taxxa. Dan m’hu xejn ħlief serq legalizzat ta’ flus il-poplu, flus illi kieku jitħallsu il-gvernijiet ikunu jistgħu jużawhom għall-invsetiment u għal skopijiet soċjali.
Issa barra minn dan kollu, Juncker, meta kien prim ministru, kien għadda wkoll liġijiet biex kollox jinżamm mistur u biex kollox isir bil-moħbi. Huwa ra li permess ta’ dawn il-liġijiet jekk xi ħadd jikxef din l-evażjoni tat-taxxa jitqies bħala kriminal u jiġi mressaq il-qorti u jiġi akkużat b’reat.
U hekk ġralhom Deltour u Halet! Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea, inkuż Juncker li illum huwa l-President tal-Kummissjoni Ewropea, flok tawhom midalja għall-qlubija li wrew, dawn tressqu l-qorti fil-Lussimburgu akkużati li huma ħallelin għax kixfu dan is-serq, u ovvjament instabu ħatja, għax hekk tgħid il-liġi ta’ Juncker! Deltour ingħata sentenza ta’ sena priġunerija sospiża, waqt li Halet laqqat disa’ xhur priġunerija sospiżi.
Sa dan it-tant numru ta’ Membri tal-Parlament Ewropew, bi protesta kontra dan kollu, kitbu ittra pubblika lil Deltour u lil Halet fejn tawhom l-appoġġ tagħhom u qalulhom li dak li għamlu, meta kixfu dan is-serq kollu, għandu jgħin biex tittieħed azzjoni kontra l-evażjoni tat-taxxa. Fl-ittra qalulhom ukoll li huma irrabjati għas-sentenzi li tagħat il-qorti, u talbu biex l-awtoritajiet Ewropej jinvestigaw ir-rabtiet ta’ Pricewaterhouse Coopers mal-amministrazzjoni tat-taxxa fil-Lussimburgu.
Din l-ittra, iżda, iffirmawha biss 108 Membru Parlamentari Ewropew minn total ta’ 750. Dan ifisser li 108 biss iridu li jispiċċa is-serq mill-evażjoni tat-taxxa. L-oħrajn jidher li kuntenti jħallu l-ħaddiema u lill-poplu jħallas it-taxxi u l-korporazzjonijiet kbar ma jħallsux.
U l-Membri Maltin tal-Parlament Ewropew iffirmawha l-ittra jew le? Fuq liema naħa qedin f’din il-kwistjoni, mal-ħaddiema jew mal-ħallelin? Il-poplu Malti għandu dritt għal tweġiba.