Matul dawn l-aħħar tlett xhur saru tlett attakki terroristi fl-Inghilterra minn estremisti musulmani, tnejn ġewwa Londra u wieħed ġewwa Manchester. Inqatlu nies innoċenti, uħud minnhom lanqas biss kienu Ingliżi imma kienu barranin qegħdin iżuru l-Ingilterra.
Il-gvern Ingliż jgħid li dawn l-attakki qegħdin isiru għax l-estremisti islamiċi huma kontra l-valuri u l-istil ta’ ħajja tal-pajjiżi tal-Punent. Iżda illum kulħadd jaf li din hija gidba sfaċċata. Illum kulħadd jaf li it-terroristi islamiċi qegħdin iwettqu dawn l-attakki bi tpattija għall-attakki u għall-gwerrer li qegħdin isiru mill-Punent kontra pajjiżi islamiċi. Fil-każ tal-Ingilterra dawn l-attakki terroristi qegħdin iseħħu għax il-gvern Ingliż ħa sehem fil-gwerrer tal-Iraq, l-Afganistan, il-Libja u is-Sirja. Issa l-gvern Ingliż qiegħed jieħu sehem fil-gwerra kontra l-Jemen billi jforni lill-Arabja Sawdija bl-armamenti.
Fil-fatt it-terroristi li jwettqu dawn l-attakki suwiċida spiss jirrekordjaw videos qabel l-attakki u fihom jispjegaw dawn ir-raġunijiet għaliex qegħdin iwettqu dawn l-attakki. Il-medja ikkontrollata iżda taħbi kemm tiflaħ dawn l-istqarrijiet tagħhom.
Matul dawn il-gwerrer, l-Ingilterra, flimkien mal-Istati Uniti u diversi pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, wettqu attakki kontra sptarijiet, moskeji, skejjel, djar, u swieq. Saħansitra anke funerali u festi tat-tiġijiet ġieli attakkaw biex joqtlu nies innoċenti musulmani. U l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea ma jiddejqu xejn anke jużaw l-armamenti kimiċi tal-qirda tal-massa kontra l-islamiċi innoċenti. Hekk għamlu fl-Iraq u fil-Libja.
Dawn il-gwerrer, li saru taparsi biex tidħol id-demokrazija, m’huma xejn ħlief terroriżmu tal-istat. Il-vittmi innoċenti islamiċi ta’ dan it-terroriżmu tal-istat huma ferm aktar fin-numru minn dawk il-vittmi innoċenti tat-terroristi islamiċi. B’danakollu id-differenza fin-numru ta’ vittmi innoċenti ma tiġġustifikax it-terroriżmu islamiku. It-terroriżmu islamiku huwa ħażin daqs dak statali.
Illum, iżda, għall-ewwel darba fl-Ingilterra hemm mexxej politiku li qiegħed jgħid il-verita dwar it-terroriżmu. Jeremy Corbyn, il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliż u Kap tal-Oppożizzjoni, kemm il-darba stqarr pubblikament li t-terroriżmu iżlamiku huwa ikkaġunat mill-politika barranija tal-gvern Ingliż. Sal-lum din hija politika ta’ interventi militari u ta’ gwerrer taparsi għad-demokrazija imma fil-verita għall-kontroll fuq il-provvista taż-żejt mill-Lvant Nofsani.
Aktar minn hekk, Jeremy Corbyn iddikjara wkoll li jekk il-quddiem jirbaħ il-gvern huwa jwaqqaf il-gwerrer u l-attakki militari mill-Ingilterra, jwaqqaf il-bejgħ tal-armamenti, u jaħdem għall-paċi fost il-ġnus permezz tad-diskussjonijiet.
Il-Front Maltin Inqumu jappoġġja bis-sħiħ lill-mexxej Laburista Ingliż mhux biss għax din hija l-politika li dejjem mexa’ biha il-fundatur tal-Front, il-Perit Mintoff, imma wkoll għax din hija politika li tfittex il-paċi fil-Mediterran u fil-Lvant Nofsani.