BUDGET 2017

Il-budget tal-gvern għas-sena d-dieħla juri avvanz ekonomiku u anke avvanzi soċjali, iżda baqa’ jrażżan il-paga minima milli tibda titjieb xi ftit.

L-avvanz ekonomiku joħrog mill-fatt li il-ġid maħluq mix-xogħol ( Prodott Gross Domestiku) kompla kiber matul l-2016 u mistenni li matul l-2017 jikber bi 3.5%. Barra minn hekk id-defiċit tal-gvern komparat mal-Prodott Gross Domestiku kompla jonqos, għax filwaqt li fl-2015 kien ta’ 1.5%, is-sena d-dieħla mistenni jkompli jinżel għal 0.7% biss. Ir-rata ta’ dan il-progress ekonomiku hija waħda mill-għola fost il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Ir-rata tal-qagħad ukoll mhix għolja u probabbli hija anqas milli turi l-istatistika.

Il-budget kompla żied l-avvanzi għal dawk l-aktar fil-bżonn, fosthom penzjonanti u nies li jiddependu mill-għajnuna soċjali. In-nefqa tal-gvern fil-qasam tas-saħħa se tiżdied bi 36 miljun euro għas-sena id-dieħla u se tilħaq 517 miljun euro. In-nefqa fl-edukazzjoni ukoll se tiżdiet u se tlaħħaq 493 miljun euro.

Meta wieħed iqis il-progress fl-ekonomija li issa ilu għaddej għal ħafna snin u li rranka aktar f’dawn l-aħħar snin ta’ gvern laburista, allura aktar huwa diżappuntanti il-fatt li l-gvern, bi qbil mall-unions, flok għolla l-paga minima żied biss il-benefiċċji soċali. Dan huwa ħażin ħafna għal dawn ir-raġunijiet:

(1) Dan il-budget huwa stqarrija li l-gvern mhux beħsiebu jżid il-paga minima qatt, għax la ma żdidietx waqt dan il-progress ekonomiku allura meta se jżidha?

(2) It-tkabbir tal-ġid nazzjonali (il-Prodott Gross Domestiku) jseħħ bix-xogħol ta’ kullħadd, inkluż ta’ dawk li qedin bil-paga minima. Dan ifisser li żieda fil-paga minima f’ċirkostanzi ta’ tkabbir tal-Prodott Gross Domestiku hija dritt sagrosant.

(3) Ħadd ma jista’ jemmen li min iħaddem fil-qasam tat-turiżmu, tal-kostruzzjoni, tal-informatika, tal-financing, ta’ dawk is-servizzi li ġew privatizzati, eċċ, ma jifilħux għal żieda fil-paga minima. Wara kollox jekk verament hemm xi eċċezzjonijiet li ma jifilħux iżidu l-paga minima allura il-gvern ikun jista’ jagħmel tajjeb huwa. Imma dan ikun jgħodd biss għal dawn l-eċċezzjonijiet.

(4) Effettivament il-gvern issa qiegħed jissussidja bi flus il-poplu lill-aktar employers li jifilħu jżidu l-paga minima u li bix-xogħol tal-ħaddiema li jimpjegaw qedgħin jagħmlu l-akbar profitti. (Jekk xi ħadd għandu xi dubju dwar dan biż-żejjed jiftakar li l-flus invesiti fil-moħbiet tal-Panama, tal-Lussemburgu, tal-Iżvizzera, tal-Baħamas, ecc, finalment kollha ġejjin mill-profitti tal-kumpaniji privati minn fuq ix-xogħol tal-impjegati.)

F’dawn iċ-ċirkostanzi fil-waqt li l-unions għandhom jikkoperaw mal-gvern biex l-avvanzi ekonomiċi u soċjali jkomplu jikbru, fil-każ ta’ żieda fil-paga minima ix-xogħol tal-unions huwa li jiġġieldu biex din tilħaq livell diċenti għall-għixien kif kienet meta inbdiet minn gvern laburista fl-1974 u jiġġieldu wkoll biex dan id-dritt ta’ paga minima diċenti jiddaħħal fil-Kostituzzjoni  u b’hekk il-klassi tal-ħaddiema f’Malta tieħu dak li hu tagħha bi dritt.