Avvanz Soċjalista kbir fl-Elezzjoni fl-Ingilterra

Il-mexxej Soċjalista Ingliż, Jeremy Corbyn, għadu kif għamel rebħa kbira fl-elezzjoni li saret fir-Renju Unit. Huwa rnexxielu jirbaħ total ta’ 262 siġġu fil-parlament, li hija żieda ta’ 30 siġġu fuq l-aħħar elezzjoni. Din ir-rebħa hija kbira wkoll meta wieħed iqis li Corbyn mhux biss kellu l-media kollha kontra tiegħu, imma kellu wkoll ħafna membri parlamentari laburisti, jiġifieri fil-partit tiegħu stess, li kienu qegħdin jopponuh u jmaqdruh pubblikament għax ikkritikawh li l-politika soċjalista tiegħu mhux se ssib appoġġ fost il-votanti.

Iżda ir-riżultat tal-elezzjoni wera illi l-poplu Ingliż issa xeba’ sew bil-politika kapitalista bla regoli fejn kollox jitmexxa skond l-interessi tal-kbar u tas-sinjuri. U l-aktar li appoġġjaw lil Corbyn kienu iż-żgħażagħ, għax il-Partit Laburista Ingliż f’din l-elezzjoni ġab record ta’ voti minn fost iż-żgħażagħ.

Il-manifest soċjalista ta’ Jeremy Corbyn kien jinkludi, fost kollox, dawn il-punti:

(1) Is-servizzi essenzjali jittieħdu lura mill-privat u jerġgħu jiġu nazzjonalizzati biex jitmexxew fl-interess tal-poplu. Dawn jinkludu il-ferroviji, il-posta, il-provista tal-ilma u oħrajn.

(2) Jiddaħħlu kontrolli fuq ir-rati tal-kera biex il-kera ma togħliex.

(3) Il-gvern jinvesti bil-kbir fis-servizzi pubbliċi, inkluż fis-saħħa pubblika u fl-edukazzjoni.

(4) Il-gvern jibni mill-anqas 100,000 dar fis-sena għall-poplu.

(5) Il-gvern jerġa jagħti lura id-drittijiet lill-unions li kienu ittieħdu mill-gvern ta’ Thatcher.

(6) 250 biljun lira sterlina jiġu investiti mill-gvern fl-infrastruttura u fi proġetti oħra biex l-ekonomija tingħata spinta l-quddiem.

(7) Tiżdied it-taxxa fuq min jaqla’ l-aktar.

(8) L-edukazzjoni terġa ssir b’xejn għal kullħadd.

Attwalment il-politika ta’ Corbyn mhix waħda ġdida. Hija l-istess politika li l-gvernijiet laburisti Ingliżi kienu jimxu biha sa ma qabel Tony Blair kien sar kap tal-partit. Tony Blair kien dawwar kollox lejn politika anti-soċjali, iżda issa ir-riżultat li ġab Corbyn ifisser ukoll li l-vuċi ta’ Tony Blair fil-partit laburista Ingliż spiċċat għal kollox.