Fil-21 ta’ Marzu, 1994, kien ittellgħa l-programm “Pjazza Tlieta” minn ġewwa t-Tarzna ta’ Bormla. Dan il-programm kien jitmexxa minn Lou Bondi fuq Television Malta. Sammy Meilaq, dak iż-żmien kien Chairman-Ħaddiem elett tat-Tarzna. Fil-ktieb awtobiografiku tiegħu “Biċċiet Minni”, Sammy Meilaq jgħid hekk dwar dan il-programm:
“F’Marzu 1994 kellimni Lou Bondì u qalli li xtaq itella’ l-programm “Pjazza Tlieta” għat-TV minn ġewwa t-tarzna. Dan il-programm kien popolari ħafna u normalment kien isir ġewwa l-istudios tat-TV. Qalli li xtaq ukoll li jieħdu sehem fih biss il-ħaddiema u mhux il-mexxejja li jirrappreżentawhom fil-Kunsill jew fil-GWU. Sħabi m’għoġbithom xejn din il-biċċa. Qalu li Lou Bondì kien ser juża l-programm biex jagħmel propaganda favur il-gvern Nazzjonalista billi jagħmel mistoqsijiet diffiċli li l-ħaddiema ma jkollhomx ħila jirrispondu minħabba li m’għandhomx l-esperjenza u s-sengħa tat-taħdit bħall-mexxejja. Jien, iżda, ma dejqitni xejn din l-offerta. Argumentajt ma’ sħabi illi l-ħaddiema, għalkemm forsi mhux daqshekk artikolati fil-mod ta’ kif ipoġġu d-diskors, żgur illi għandhom il-ħila jippreżentaw tajjeb l-argumenti tagħhom u jsostnu l-każ tat-tarzna. Anzi, komplejt nargumenta, il-ħaddiem ‘komuni’ jista’ jkun li fil-fatt ikollu aktar ‘ruħ’ mill-mexxejja, u allura dan ipatti għan-nuqqas ta’ esperjenza fir-retorika.
Irnexxieli nikkonvinċihom u aċċettajna li jsir il-programm. Il-ħaddiema attendew bi ħġarhom u l-programm li sar fil-21 ta’ Marzu 1994 kien suċċess kbir. F’dan il-programm li kien miftuħ ukoll għall-mezzi tal-istampa,ir-risposti mogħtija u l-argumenti mressqa mill-ħaddiema kienu spontanji imma validi għalkollox. Il-ħaddiema wrew sens ta’identità u kburija bħala ħaddiema, bħala klassi distinta tas-soċjetà li għandha l-interessi tagħha u li dawn huma distinti minn dawk ta’ klassijiet oħra. B’mod aktar speċifiku, dawk li ħadu sehem fil-programm urew sens kbir ta’ identità bħala ħaddiema tat-tarzna. Urew li kellhom għarfien tajjeb tar-rwol li l-ħaddiema tat-tarzna kellhom fl-istorja ta’ Malta, rwol li dejjem poġġiehom fuq quddiem fil-mixja li l-ħaddiem Malti għamel biex kiseb drittijietu. Waqt il-programm, il-ħaddiema wrew li jifhmu sewwa l-ħtieġa ewlenija, assoluta u fundamentali tal-għaqda ta’ bejniethom. Dan kemm fuq livell bażiku t’isfel, jiġifieri fil-ħajja ta’ kuljum fil-post tax-xogħol, kif ukoll fuq livell aktar uffiċjali, organizzati f’union waħda u mhux maqsumin f’ħafna biċċiet.
Tkellmu fuq suġġetti impenjattivi bħall-militanza u spjegaw li din mhix għażla kapriċċuża u vjolenti bħalma spiss tkun impinġija mill-media konservattiva, imma neċessità storika għall-klassi tal-ħaddiema, imposta fuqhom miċ-ċirkustanzi. Fil-programm “Pjazza Tlieta” dan kollu spjegawh mhux permezz ta’ teoriji jew permezz ta’ elaborazzjoni ideoloġika, iżda bi kliem sempliċi, kliem ħiereġ mill-qalb u mir-raġuni. Huma spjegaw ukoll illi l-problemi finanzjarji tat-tarzna huma kaġunati mis-suq kapitalist u mhux mill-fatt illi t-tarzna titmexxa mill-ħaddiema.
Dwar il-politika partiġġjana, il-ħaddiema kienu serji ħafna fi kliemhom. Huma spjegaw kif il-maġġoranza tal-ħaddiema tat-tarzna hi Laubirsta, iżda dan ma jfissirx illi min hu Nazzjonalist għandu xi drittijiet inqas mill-oħrajn. Kuljum, kulħadd jaħdem flimkien u jaqsam it-tbatija ma’ sħabu. Dawk il-ftit, tgħoddhom fuq subgħajk, illi kienu ġew esklużi mill-overtime, ġralhom hekk għax riedu jkissru din l-għaqda fost il-ħaddiema, u mhux għax kienu Nazzjonalisti.”
Il-Front Maltin Inqumu qiegħed hawnhekk jerġa jxandar dan il-programm minħabba l-valur edukattiv tiegħu fil-qasam tat-trejdunjoniżmu kif ukoll tal-partecipazzjoni għall-klassi tal-ħaddiema f’Malta.