MINN SAMMY MEILAQ PRESIDENT FRONT MALTIN INQUMU.
Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea jinsabu f’taħwida sħiħa dwar kif se jqassmu l-immigranti li qegħdin jaslu fl-Ewropa. Il-Ġermanja tgħid mod u l-Italja tgħid ieħor. Il-Polonja, l-Ungerija, u s-Slovakkja ma jridux li jaċċettaw xejn waqt li l-pajjiżi tal-Mediterran iridu li kullħadd jieħu sehemu.
Issa fl-istess waqt li ma jistgħux jaqblu dwar it-tqassim tal-immigranti, jidher li kollha jaqblu li l-immigrazzjoni lejn l-Unjoni Ewropea tkompli tiżdied! Dan għaliex ħadd mill-kbarat ma jrid li l-kaġun tal-immigrazzjoni jispiċċa. Kulħadd jaf li l-biċċa l-kbira tal-immigranti huma refuġjati li qegħdin jaħarbu mill-gwerrer. Studju dettaljat u estensiv li sar mill-Universita ta’ Middlesex is-sena li għaddiet (2017) ikkonkluda li 84% tal-immigranti li qegħdin jaqsmu l-Mediterran lejn l-Ewropa huma rifuġjati qegħdin jaħarbu mill-gwerrer, mhux immigranti li qegħdin ifittxu xogħol. Barra minn hekk, rapport riċenti tal-Ġnus Magħquda juri li matul dawn l-aħħar snin, minn erba’ pajjiżi biss, kien hemm 18.8 miljun refuġjat jaħarbu mill-gwerrer, li kienu hekk:
Mill-Iraq 3.3 miljun
Mis-Sirja 12 il-miljun
Mil-Jemen 1 miljun
Mill-Afganistan 2.5 miljun
TOTAL 18.8 miljun
Kważi dsatax il-miljun refuġjat minn erba’ pajjiżi biss! Issa dawn ir-refuġjati kollha ħarbu minn gwerrer li l-Unjoni Ewropea kienet parti fihom flimkien mal-Istati Uniti. Il-gwerrer saru biex il-Punent jiddomina il-provvista taż-żejt u biex jittwaqqfu bażijiet militari fil-Lvant Nofsani. Għalhekk il-kbarat tal-Unjoni Ewropea qatt ma jsemmu xejn dwar kif xi darba se tispiċċa din il-mewġa ta’ refuġjati. Għax inkella jkollhom jammettu li l-problema tar-refuġjati ħolquha huma stess u huma responsabbli tagħha.
Issa barra minn hekk il-kbarat tal-Unjoni Ewropea qegħdin jippreparaw biex iżidu dawn il-gwerrer fil-pajjiżi tal-Lvant Nofsani u tal-Afrika, pajjiżi li ma huma ta’ l-ebda theddida militari għall-Unjoni Ewropea. Se jagħmlu hekk billi jorganizzaw armata waħda Ewropea li tkun kbira u tkun tista’ twettaq attakki akbar. B’hekk il-kbarat tal-Unjoni Ewropea qegħdin jistqarru li 19 –il miljun refuġjat minn erba’ pajjiżi mhux biżżejjed! Hemm bżonn aktar u aktar!
Dawn il-fatti juru biċ-ċar kemm il-kbarat li jmexxu l-Unjoni Ewropea huma fil-but tal-kumpaniji li jipproduċu l-armamenti u tal-kumpaniji li jridu aktar refuġjati biex fl-Unjoni Ewropea jkompli jirrenja ic-cheap labour u x-xogħol prekarju, għax ir-refuġjati ikollhom jaċċettaw il-loqom jekk isibu ix-xogħol.