Fir-Renju Unit, waqt il-kampanja tar-referendum jekk il-pajjiż jibqax imsieħeb fl-Unjoni Ewropea jew le (Brexit), il-kbarat kollha li kienu kontra li r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni Ewropea saħqu bis-sħiħ li jekk il-poplu jivvota biex joħroġ mill-UE allura l-ekonomija se tieħu volta kbira lura u l-poplu jbagħti l-konsegwenzi. Ippruvaw iwerwru lil kulħadd li jekk jgħaddi l-vot favur il-ħruġ mill-Unjoni Ewropea allura se jonqos l-investiment, il-kumpaniji kbar se jitilqu’ mill-Ingilterra u jmorru band’oħra, u kulħadd jispiċċa bla xogħol.
Fost dawn kien hemm ħafna kbarat tal-Unjoni Ewropea b’Juncker fuq quddiem nett; kien hemm Christine Lagarde bħala kap tal-International Monetary Fund; kien hemm Mario Draghi il-kap tal Bank Ċentrali Ewropew; u Mark Carney il-kap tal-Bank of England (il-bank ċentrali Ingliż). Fl-aħħar ġimgħat qabel ir-referendum tkellmu wkoll l-ex-Prim Ministru Ingliż Tony Blair u l-President Amerikan Barak Obama. Dawn ukoll wissew li vot favur il-Brexit se joħloq diżastru ekonomiku. Għalkemm l-Ingliżi ivvutaw biex joħorġu mill-Unjoni Ewropea, dawn il-kbarat kollha tant kienu beżżgħu lill-votanti li żgur li kien hemm min ivvota kontra l-ħruġ minnħabba li jkun emminhom.
Issa għaddew seba’ xhur minn meta seħħ ir-referendum f’Ġunju 2016. L-aħħar rapporti uffiċjali juru bil-fatti, li mill-vot tal-Brexit sal-lum, mhux biss ma seħħx dak li qalu dawn il-kbarat, imma seħħ il-kontra għax l-ekonomija marret il-quddiem. U marret il-quddiem fl-aktar oqsma ewlenin, li huma l-manifattura, il-kostruzzjoni u is-servizzi. Barra minn hekk l-istess rapporti uffiċjali jgħidu li dan il-progress se jkompli matul is-sena 2017.
Tant marret il-quddiem l-ekonomija tar-Renju Unit, li ftit tal-ġranet ilu ic-Chief Economist tal-Bank Of England, Andrew Haldane stqarr pubblikament li l-Bank Of England kien għal kollox żbaljat meta qabel ir-referendum kien bassar li vot favur il-Brexit se jitfa’ l-ekonomija lura.
Dawn il-fatti juru biċ-ċar li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea kienu qegħdin iqarrqu bil-poplu Ingliż u jippruvaw ibeżżgħuh. U kienu qegħdin jagħmlu hekk biex huma jibqgħu għaddejjin xalata bil-privileġġi minn fuq dahar il-popli tal-Unjoni Ewropea.