Tsipras jattakka lill-Penzjonanti bil-Gas tad-Dmugħ.

Il-gvern anti-soċjalista Grieg, immexxi minn Alexis Tsipras, dan l-aħħar reġa’ wera kemm lest ikompli jittradixxi lill-ħaddiema Griegi. Huwa kompla jimplimenta l-ordnijiet tal-Unjoni Ewropea biex, fost affarijiet oħra kompla naqqas il-penzjoni u allura din issa ġiet 384 euros fix-xahar. Dan ifisser li l-penzjonanti jridu jgħaddu bi ftit aktar minn 12 il-euro kulljum, anke jekk ikunu koppja b’penzjoni waħda. Barra minn hekk huwa għolla l-eta tal-penzjoni b’mod li ftit ftit isir 67 sena. Tsipras żied ukoll it-taxxi diretti li jolqtu l-aktar lill-ħaddiema u lill-penzjonanti. Huwa għamel hekk biex jiġbor aktar flus biex iħallas l-imgħaxijiet tal-bailout li l-UE imponiet fuq il-Greċja, flok insista mal-UE li għandhom ikunu l-banek Germaniżi u l-banek Franċiżi li jerfgħu dan il-piż għax kienu huma li spekulaw għal snin sħaħ fl-ekonomija Griega.

Għaldaqstant il-penzjonanti marru jipprotestaw kontra tiegħu quddiem l-uffiċċju tiegħu, iżda dawn ġew milqugħa mill-pulizija armati ta’ Tsipras li attakkawhom bil-gass tad-dmugħ u bil-pepper spray.

Mhux ta’ b’xejn li l-għajta tal-penzjonanti kienet ” Istħi Tsipras”. Tsipras kien ġie elett Prim Ministru mill-poplu Grieg fuq il-wegħda li jwettaq il-kontra, jiġifieri li jisfida l-ordnijiet inumani u selvaġġi li l-kbarat tal-UE qedin jimponu kontra l-poplu Grieg. Dwar il-penzjonijiet kien wiegħed speċifikament li ma jnaqqashomx. Barra minn hekk wara li tela’ u kien qed jinnegozja mal-kbarat tal-UE huwa żamm referendum u aktar minn 60% tal-poplu Grieg ivvotaw biex il-ġlieda kontra l-imponimenti tal-UE tkompli. Iżda f’daqqa waħda Tsipras iddeċieda li jdur kontra dak kollu li kien wiegħed qabel l-elezzjoni u jaċċetta dak kollu li ordnat l-UE.

Wara sitt snin ta’ telfien kontinwi tad-drittijiet soċjali u industrijali, issa l-ħaddiema Griegi għaddejjin mill-akbar tradiment fl-istorja riċenti tal-Greċja.