Triljun serq fis-sena: Il-Unions kontra l-moħbiet

Matul dawn l-aħħar sentejn inkixfu erba’ moħbiet ( tax havens) permezz ta’ leakages minn persuni jew ġurnalisti li jemmnu fil-ġustizzja soċjali. L-ewwel inkixfet dik tal-Lussimburgu (li kien Juncker stess li bnieha), imbagħad dik tal-Iżvizzera, imbagħad dik tal-Panama u wara dik tal-Baħamas. Nafu li biljuni kbar ta’ flus li suppost jitħallsu f’taxxa qegħdin jibqgħu għand il-kumpaniji kbar privati.

Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea dejjem taparsi ser jieħdu passi kontra dan is-serq, imma s’issa flok ħadu passi dejjem komplew irażżnu id-drittijiet industrijali u l-benefiċċji soċjali tal-popli. Mill-banda l-oħra iżda, il-unions fl-Unjoni Ewropea, miġburin fil-European Trade Union Confederation (ETUC), ilhom minn Marzu tas-sena li għaddiet (2015) li għamlu l-istudji u l-istħarriġ tagħhom dwar dan is-serq ta’ flus il-poplu. Wara dan l-istħarriġ l-ETUC, li tinkludi magħha it-tlett unions Maltin ewlenin (il-GWU, il-UHM u l-FUM), xandret riżoluzzjoni fl-10 ta’ Marzu 2015 taħt it-titlu “ETUC resolution on tackling tax evation, avoidance and tax havens”.

F’din ir-riżoluzzjoni l-ETUC żvelat li huwa stmat li kull sena il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qegħdin jinsterqu madwar triljun (miljun għal miljun darba) euro f’taxxi li ma jitħallsux mill-korporazzjonijiet kbar privati; li dawn il-flus kieku jistgħu jintużaw għall-bżonnijiet tal-popli; li s-segretezza tas-sistema bankarja hija l-mezz ta’ dan is-serq kollu.; li fl-istess waqt it-taxxi diretti fuq il-poplu (bħall-VAT) dejjem komplew kibru.

Ir-rizoluzzjoni tkompli tgħid li l-unions allura jridu li tispiċċa is-segretezza bankarja; li l-kontijiet tal-korporazzjonijiet privati jkunu pubbliċi; u li għandha tiġi imdaħħla liġi li torbot li l-profitti jiġu intaxxati bir-rata ta’ 25% jew aktar. Min jixtieq jaqra ir-riżoluzjoni kollha jista’ jaqrha fuq https://www.etuc.org/documents/etuc-resolution-tackling-tax-evasion-avoidance-and-tax-havens#.WENBidIrLMw