Tony Blair, meqjus bħala l-ikbar kriminal tal-gwerra fl-Ingilterra, irid ikisser id-demokrazija.

Dan l-aħħar l-ex-prim ministru laburista Ingliż Tony Blair beda’ kampanja politika fl-Ingilterra biex iħeġġeġ lill-poplu jqum kontra ir-riżultat tar-referendum tal-Brexit. Flus biex imexxi din il-kampanja għandu kemm irid, għax kemm ilu fil-politika irnexxielu jistagħna bil-kbir, tant li illum huwa multimiljunarju.

Iżda malli Tony Blair tkellem biex jibda’ din il-kampanja mill-ewwel sab oppożizzjoni minn kull naħa. Mexxejja mill-istess Partit Laburista Ingliż ikkritikawh u qalulu li l-partit għandu jirrispetta id-deċiżjoni demokratika tal-poplu fir-referendum, mhux jopponiha, waqt li jara li l-Ingilterra tasal għall-aħjar ftehim ta’ ħruġ mal-Unjoni Ewropea. Il-konservattivi ovvjament ukoll attakkawh u qalulu li kollox għalxejn li se jipprova jagħmel.

Aktar minn hekk iżda, anke dawk li huma kontra l-Brexit ħadu qatgħa kbira b’din l-aħbar tal-kampanja minn Tony Blair! Fil-fatt, Caroline Lucas, li hija ko-mexxejja tal-Greens fl-Ingilterra, u li ħadmet kemm felħet kontra l-Brexit,  talbet pubblikament lil Blair biex jagħlaq ħalqu, għax aktar ma jitkellem aktar se jkun qiegħed jgħin biex l-Ingilterra toħroġ mill-Unjoni Ewropea! Dwar dan Caroline Lucas għandha raġun biex tbiegħ, għax Tony Blair huwa l-aktar politiku mibgħud fl-Ingilterra, u allura il-kampanja politika tiegħu aktar se tgħin biex in-nies iżidu l-appoġġ favur il-Brexit.

Tony Blair huwa mibgħud fl-Ingilterra għax meta kien prim ministru qarraq bil-poplu, bagħat lis-suldati Ingliżi għall-mewt bla bżonn, u flimkien ma’ George W. Bush wettaq l-akbar kriminalita tal-gwerra fid-dinja matul dawn l-aħħar snin.

Tony Blair gideb lill-poplu Ingliż u lid-dinja meta, fl-2003, qal li l-Iraq għandu l-armamenti tal-qirda tal-massa u li bihom jista’ jattakka l-Ingilterra. Reġa’ gideb meta qal li Saddam Hussein qiegħed jgħin lill-Al Qaeda. Blair gideb biex ikollu skuża biex, flimkien mal-Istati Uniti u ma’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea, jinvadi l-Iraq u jikkontrolla iż-żejt ta’ dan il-pajjiż. Ir-riżultat tal-gideb ta’ Tony Blair kien il-qtil ta’ aktar minn nofs miljun ruħ innoċenti, madwar tlett miljun ruħ sfaw  refuġjati, u l-Iraq għadu sal-lum pajjiż imkisser u bla tama.

Meta imbagħad Tony Blair inqabad fil-gideb u kellu jammeti li l-Iraq ma kellux dawk l-armamenti, ipprova jġib skuża li xorta ma jimpurtax illi kien ordna l-invażjoni tal-Iraq, għax qal li Saddam Hussein ma kienx demokratiku. Issa Tony Blair qiegħed jipprova jkisser id-demokrazija fl-Ingilterra!