Tikber il-qasma dwar l-Immigranti u r-Refuġjati fl-Unjoni Ewropea.

Ftit tal-ġimgħat ilu l-kbarat tal-Unjoni Ewropea iddeċidew li jressqu lill-gvernijiet tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea akkużati li ma obdewx lill-kbarat billi m’ aċċettawx li jieħdu il-parti tagħhom mill-immigranti li qegħdin jidħlu fl-Unjoni Ewropea. Sentejn ilu, fl-2015, il-kbarat kienu iddeċidew li total ta’ 160,000 immigrant għandhom jitqassmu mal-pajjiżi diversi tal-Unjoni Ewropea. Imma sal-lum, sentejn wara, 20,000 biss minnhom ġew imqassmin għal xi pajjiż ieħor u l-bqija baqgħu fil-pajjiżi li waslu fihom, l-aktar fil-pajjiżi tal-Mediterran.

Il-każ fil-qorti mhux mistenni li jinqata’ malajr, u l-gvernijiet tal-Polonja, l-Ungerija u r-Repubblika Ċeka diġà qalu li mhux beħsiebhom iċedu. Barra minn hekk il-qorti, jekk taqta’ kontra tagħhom tista’ twaħħalhom biss multi, mhux iġelhom jaċċettaw l-ordni tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea.

Kollox juri li l-qasma li hemm dwar l-immigrazzjoni se tkompli tikber. Fuq naħa hemm il-gvernijiet tal-Ġermanja u ta’ Franza li jridu l-immigrazzjoni biex ikomplu jżidu l-ammont ta’ ħaddiema fis-suq u b’hekk ikomplu jrażżnu l-pagi tal-ħaddiema kollha. Fuq in-naħa l-oħra hemm dawk li qegħdin jopponu din il-politika u jridu li jrażżnu l-immigrazzjoni.

Sadattant l-interventi militari li joħolqu ir-refuġjati u l-immigranti għadhom għaddejjin u t-tfarrik tal-Libja mill-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea flimkien mal-Al Qaeda neħħa kull kontroll fuq l-immigrazzjoni fil-Mediterran. Ħadd mill-kbarat tal-Unjoni Ewropea ma ħa responsabiltà ta’ dan id-diżastru li ġabu b’idejhom.