Taqbid Industrijali b’ Solidarjetà (l-Ewwel Parti)

Il-Front Maltin Inqumu fl-okkażjoni tal-ewwel ta’ Mejju qiegħed ixandar l-ewwel parti minn kapitlu ieħor, numru 21, intitolat ”Taqbid Industrijali b’ Solidarjetà”,  mill-pubblikazzjoni “Bicciet Minni” ta’ Sammy Meilaq.

 

Il-ħaddiema tat-tarzna minn dejjem urew solidarjetà ma’ ħaddiema oħrajn u tawhom l-appoġġ diversi drabi fid-difiża tad-drittijiet tagħhom. Insemmi hawnhekk il-każijiet li sibt ruħi fihom jien flimkien ma’ ħaddiema oħra mit-tarzna.

Il-Hotel Phoenicia okkupat – 1978

Fit-8 ta’ Marzu 1978 il-General Workers Union ordnat sit-in fil-Hotel Phoenicia wara li l-management kiser kundizzjonijiet maqbula fil-ftehim kollettiv u fl-istess waqt irrifjuta li jiddiskuti dwarhom mal-union.1 Kellimni Karmenu Mifsud Bonnici, dak iż-żmien avukat tal-GWU. Spjegali li għall-GWU dan il-każ jista’ jkun ta’ precedent. Jekk tgħaddi tal-management ikun infetaħ bieb biex lukandi oħra jibdew jinterpretaw il-ftehim kollettiv kif iridu huma b’dannu għall-ħaddiema. Qalli li għalhekk hemm bżonn li l-ħaddiema jieħdu f’idejhom ir-restorant tal-lukanda.

Għalhekk il-Ġimgħa 10 ta’ Marzu, jiena, flimkien ma’ Paddy O’Shea u Ġużżeppi Camilleri “il-Guggu”, żewġ ħaddiema tat-tarzna, kif ukoll Joe Schembri “il-Ġambu” u Manwel Vassallo “iż-Żorba, żewġ ħaddiema tal-Air Malta, tlaqna minn Bormla u morna l-Hotel Phoenicia l-Furjana. Konna libsin puliti bil-ġlekk u l-ingravata biex ma nagħtux fil-għajn. Dħalna fir-restorant biex nieklu. Hekk kif kilna ħsadna lil management billi flimkien mal-ħaddiema tal-lukanda dħalna u okkupajna r-reception, il-kċina, u r-restorant. Il-GWU mill-ewwel infurmat lill-management li issa qiegħed isir sit- in, u l-okkupazzjoni kompliet.2

Il-management, imexxi minn Dr. Vincent Ragonesi, ħa l-każ il-qorti fejn talab ordni biex twaqqaf l-azzjoni. Il-konflitt tawwal u diversi gruppi ta’ ħaddiema oħra bdew joħorġu l-flus għall-istrike fund tal-ħaddiema tal-Phoenicia li allura issa kienu bla paga. Dawn kienu jinkludu ħaddiema tad-Dragonara Hotel, Preluna Hotel. Bank of Valletta, Tele Malta, Marsovin u Waterworks fost oħrajn.

Karmenu Mifsud Bonnici ddefenda b’suċċess il-każ fil-qorti li fil-31 ta’ Marzu qatgħet favur il-GWU. Iżda l-management appella mis-sentenza u baqa’ xorta waħda ma jridx li jiddiskuti mal-union.

Hawnhekk reġa’ kellimni Karmenu Mifsud Bonnici. Spjegali illi minħabba r-reżistenza tal-management issa hemm bżonn ngħinu lill-ħaddiema biex jieħdu l-lukanda għalkollox f’idejhom, inkluż il-kmamar tar-residenti, u jibdew imexxu l-lukanda kollha. Kien hemm iżda diversi problemi biex dan iseħħ, bħal bnadi li kienu maqfulin jew taħt il-kontroll tal-gwardji tas-sigurtà tal-management. Irnexxielna nagħmlu din l-operazzjoni l-Ħamis 6 ta’ April permezz ta’ rejd b’numru ta’ ħaddiema tat-tarzna u ta’ bnadi oħra flimkien mal-ħaddiema tal-Phoenicia.

“In-Nazzjon Tagħna” tal-għada rrapporta li ġemgħa ta’ madwar 50 ruħ, li m’ għandhom x’jaqsmu xejn mal-lukanda Phoenicia, użaw il-forza fiżika biex okkupaw il-lukanda. “In-Nazzjon tagħna” allega wkoll li saret ħsara fil-propjetà u li kienu weġġgħu xi nies f’din l-operazzjoni. Sadanitant, Ġorġ Agius, Segretarju Ġenerali tal-GWU stqarr pubblikament li l-okkupazzjoni totali tal-Phoenicia seħħet biex il-union tħarrax din il-ġlieda għax il-management baqa’ ma jridx jiddiskuti mal-union.4

Komplejna nokkupaw il-lukanda lejl u nhar flimkien mal-ħaddiema tagħha. Il-każ issa kien ħa xejra nazzjonali sewwa. Il-ħaddiema ffurmaw kumitat ta’ tmexxija u bdew jerġgħu jiġu aċċettati t-turisti regolarment jalloġġjaw fil-lukanda.

B’hekk il-management ma baqax fil-vantaġġ. L-okkupazzjoni totali ħalliet effett kbir tant li malajr ġie Malta Giuseppe Pecorelli, Viċi President ta’ Trust House Forte li kienu s-sidien tal-lukanda. Pecorelli kien lest li jitkellem mal-GWU. Huwa naturalment kien alloġġjat il-Phoenicia u moqdi mill-istess ħaddiema li kienu qed jokkupaw u jmexxu l-lukanda. Ir-rebħa finali għall-ħaddiema seħħet fil-11 ta’ April 1978, meta wara azzjoni industrijali ta’ 34 jum ġie iffirmat ftehim bejn Ġorġ Agius u Pecorelli fejn il-ħaddiema żammew id-drittijiet tagħhom kif miftiehem fil-ftehim kollettiv u kif kienet insistiet kontinwament il-GWU.5

Din il-ġrajja industrijali write kemm hi meħtieġa s-solidarjetà bejn il-ħaddiema, kemm permezz tal-kontribuzzjonijiet tal-flus kif ukoll tal-azzjoni diretta.

Gass tad-dmugħ fuq il-ħaddiema tal-Bank of Valletta – 1988

Is-Sibt 9 ta’ Lulju1988 tliet ħaddiema tal-Bank of Valletta ġew sospiżi għax obdew direttiva leġittima tal-General Workers Union biex ma jagħmlux overtime f’ħinijiet mhux normali. Id-direttiva kienet ingħatat għaliex il-management kien qed jordna trasferimenti ta’ ħaddiema mhux għall-bżonn iżda biex joħloq inkonvenjenzi, ħela ta’ ħin, u spejjeż żejda għall-ħaddiema. Bis-sospensjoni tal-ħaddiemali obdew id-direttiva tal-union il-BOV kien qiegħed irażżan id-dritt tal-azzjoni industrijali leġittima. B’risposta għall-azzjoni tal-bank, fit-12 ta’ Lulju l-union ordnat strajk fil-fergħat tal-bank f’Bormla u f’Raħal Ġdid. Kollox mexa bil-kalma u bla inċidenti. Il-management tal-BOV iżda xorta baqa’ m’aċċettax ir-raġunijiet tal-GWU u lanqas ma ried jirtira s-sospensjonijiet. Il-union ma kellhiex triq oħra ħlief li tkompli bl-azzjonijiet u ordnat strajk għall-Ħamis 14 ta’ Lulju fil-fergħat ta’ Ħaż-Żabbar u ta’ Ħal Luqa.

Kien hawn li l-gvern Nazzjonalista ddeċieda li jindaħal f’din il-kwistjoni favur in-naħa tal-bank billi jkisser il-picket lines tal-union waqt l-istrajk. Il-ħaddiema setgħu biss jopponu billi jirreżistu.

F’Ħaż-Żabbar stakkament ta’ puluzija armati kellhom ordni biex ikissru l-picket line. Charles Cassar, is-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU, spjega lill-uffiċjali tal-puluzija li l-ħaddiema ma kienu qed jiksru l-ebda liġi. Ir-risposta kienet li l-puluzija taw assalt fuq il-folla li kienet qed tappoġġja l-istrajk. Sadanitant xi nies qalbu l-karozza tal-manager tal-bank li kienet ftit ‘il bogħod.

Fil-pjazza ta’ Ħal Luqa l-konflitt kien akbar. Minn kmieni filgħodu Micheal Parnis mexxa l-picket line li kien magħmul minn ħaddiema tal-BOV flimkien ma’ sitt shop stewards mit-tarzna tal-Marsa li kienu qiegħdin jagħtu l-appoġġ tagħhom b’solidarjetà. Wara ftit ġie stakkament ta’ puluzija li ppruvaw ineħħu l-pickets. Inqala xi ġlied bejn il-puluzija u l-pickets iżda l-pickets irnexxilhom jibqgħu jżommu t-territorju f’idejhom. L-uffiċjali tal-GWU preżenti, Laurence Lautier, Jackie Calamatta u Harold Walls, spjegaw lill-uffiċjali għoljin tal-puluzija li ħadd mhu qed jikser il-liġi bil-picketing. Wara xi ħin iżda xorta nġiebu stakkamenti ta’ puluzija armati tal-Ispecial Assignment Group li taw assalt fuq il-picket line. Kien ċar li l-imġieba tal-puluzija kienet ordnata mil-livell politiku.

Fit-tarznari ta’ Bormla u tal-Marsa malajr waslet l-aħbar ta’ x’qed jiġri f’ Ħal Luqa. Numru ta’ ħaddiema telqu biex jappoġjaw lil sħabhom ħaddiema tal-banek. It-“Times” tal-għada 15 ta’ Lulju 1988 irraportat hekk:

Later in the morning a sizeable group of men, some of them wearing boilersuits and armed with pipes, were seen approaching the square.

The police station was attacked with stones and bottles in a siege which lasted for several minutes until tear gas was used to disperse the crowd.

Police and SAG vehicles which were parked in front of the police station were damaged by the stones and other missiles.”

“L-orizzont”, ukoll tal-15 ta’ Lulju 1988, irraporta hekk: “Il-gvern illum għamel użu  mill-membri tal-iskwadra tal-Puluzija, l-Ispecial Assignment Group (SAG) biex ikisser strajk leġittimu ordnat mill-GWU fejn anke ġew attakati uffiċjali tal-GWU u tal-MLP waqt li kien qed isir picketing. “

“Kollox kien miexi bl-ordni kieku ma kienx għall-provokazzjoni ċara tal-kwantità kbira ta’ Pulizija armati li nġabru Ħal Luqa, fil-fatt membri tas-SAG anke tefgħu gass tad-dmugħ waqt li attakaw lill-ħaddiema bil-lembubi u bit-tarki.”

Numru ta’ ħaddiema tat-tarzna, jien wieħed minnhom, kellna nirtiraw wara l-attakk tal-gass tad-dmugħ. Waqt li qed niġru ġo triq b’għajnejna maħruqin, mara wieqfa fil-bieb ta’ darha għajtitilna biex nistkennu għandha. Dħalna, xarrabbna wiċċna u għajnejna għal bosta drabi. Ħassejtni ftit aħjar.

Ir-reżistenza tal-ħaddiema kellha effett qawwi. Il-gvern jidher li nduna li l-intervent tiegħu kontra l-ħaddiema kien goff u żbaljat. L-Aġent Prim Ministru Guido Demarco immedjatament talab lil Anġlu Fenech’ Segretarju Ġenerali tal-GWU, biex jintervjeni. Demarco talab ukoll laqgħa immedjata mal-GWU u mal-BOV kien aċċetta li jirtira kemm it-trasferiment kif ukoll is-sospensjonijiet bla ebda telf għall-ħaddiema. Anġlu Fenech ħabbar da nil-ftehim permezz ta’ konferenza stampa minnufih wara l-laqgħa.6

Din il-ġrajja, barra li kienet ta’ esperjenza edukattiva għall-ħaddiema żgħażagħ li ħadu parti fiha, uriet il-valur enormi tal-picket line u tas-solidarjetà bejn il-ħaddiema waqt il-konflitt industrijali.

 

1 “l-orizzont”, 9 ta’ Marzu 1978

2 “l-orizzont”, 11 ta’ Marzu 1978

3 “l-orizzont”, 1 ta’ April 1978

4 “l-orizzont”, 7 ta’ April 1978

5 “l-orizzont”, 12 ta’ April 1978

6 “l-orrizont”, 15 ta’ Lulju 1988