Taqbid Industrijali b’ Solidarjetà (it-Tieni Parti)

Il-Front Maltin Inqumu fl-okkażjoni tal-ewwel ta’ Mejju qiegħed jissokta jxandar it-tieni parti minn kapitlu ieħor, numru 21, intitolat ”Taqbid Industrijali b’ Solidarjetà”,  mill-pubblikazzjoni “Bicciet Minni” ta’ Sammy Meilaq.

Riforma fl-Income Tax tal-ħaddiema – 1993

It-taxxa tista’ tilħaq il-mira soċjali jekk min jiflaħ l-aktar iħallas l-aktar. Meta jiġri l-kontra ż-żgħir għandu d-dritt kollu jopponi. Fil-livell globali dan jiġri l-ħin kollu permezz tat-tax havens fejn is-sidien tal-kapital mhux biss jaħbu l-flus biex ma jħallsux it-taxxi, imma jkunu jistgħu jużawhom kif iridu, anke b’detriment għas-soċjetà. F’Malta l-paga tal-ħaddiem hija dokumentata u l-ħaddiem iħallas l-income tax qabel jaqbad il-paga, kif għandu jkun. Mhux l-istess min jgħix mill-profitti, fejn ħafna drabi jista’, u jiġri, li jevadi t-taxxa. Dan hu fatt magħruf minn kulħadd.

Fl-1991 u fl-1992 il-Gvern Nazzjonalista naqqas it-taxxa tas-suċċessjoni, it-taxxa fuq il-bearer accounts, u r-rata massima tal-income tax. Dan kompla tefa’ l-melħ fuq il-ferita, għax b’hekk gawdew biss dawk li jagħmlu l-profitti u xi ftit kbarat minn fuq dahar il-ħaddiema. Fit-tarzna wkoll il-ħaddiema ħassewhom misruqa wara tant xogħol ta’ tbatija u periklu. Għalhekk il-GWU bdiet kampanja kontra din il-kontradizzjoni inġusta. Fit-30 ta’ April 1992, Anġlu Fenech, Segretarju Ġenerali tal-GWU, ħabbar waqt meeting għall-ħaddiema tat-tarzna illi “….. il-GWU se tagħmel talba lill-Ministru tal-Finanzi biex il-flus tal-allowances li jirċievu l-ħaddiema ma jkunux taxxabbli bħala l-allwances li jirċievu dawk li jokkupaw karigi għolja.”7

Il-gvern iżda ma tax widen u l-kampanja twalet ix-xhur. Meta l-gvern ħabbar il-Budget għas-sena 1993 ma daħħal l-ebda riforma biex jirrisolvi din l-inġustizzja. Għalhekk il-GWU kompliet bil-protesti, l-aktar fl-oqsma industrijali.

Fit-12 ta’ Frar 1993 il-union organizzat marċ ta’ protesta għall-ħaddiema mit-tarznari sal-pjazza ta’ Raħal Ġdid fejn ukoll iddikjarat li l-protesti se jkomplu.8 Jidher iżda li dan il-marċ kien effettiv għax wara diskussjonijiet mal-gvern, Anġlu Fenech fil-25 ta’ Frar ħabbar li ntlaħaq ftehim li d-dħul tal-ħaddiema mill-overtime u l-allowances se jibda jiġi ntaxxat b’rata fissa u li din ir-riforma tibda tgħodd b’lura mill-ewwel ta’ Jannar 1993.

Jien u l-Kunsill tat-tarzna kellna sehem sewwa f’din il-kampanja. Qbilna mat-talba tal-GWU għax kienet ġusta mal-ħaddiema kollha f’ Malta kif ukoll għax kienet inċentiv għall-produzzjoni.

Għalhekk, waqt il-protesti, jien ukoll indirizzajt u ħeġġiġt lill-ħaddiema flimkien ma’ Anġlu Fenech. Barra minn hekk iżda, sabiex issir iktar pressjoni fuq il-gvern, kelli wkoll talba mill-union biex temporanjament inwaqqaf il-kontribuzzjonijiet tat-taxxa tal-ħaddiema tat-tarzna milli jgħaddu għand il-gvern. Jien ilqajt din it-talba għalkemm ma kienx faċli biex inwettaqha. Dan għaliex il-management ma kienx lest li jimxi fuq ordni bħal din. Ma ridtx nagħmel pressjoni żejda fuq il-management. Għalhekk kelli nagħti l-ordni jien bil-miktub direttament lil-livelli t’isfel. Id-deputat tiegħi Alfred Micallef mar personalment fil-Wages Department biex jieħu wkoll responsabbiltà tal-esekuzzjoni ta’ din l-ordni, assistit minn Toni Coleiro f’isem il-GWU. Din l-azzjoni, għalkemm temporanja u għalkemm it-taxxa fl-aħħar xorta riedet titħallas, ħolqot aktar pressjoni fuq il-gvern biex fl-aħħar wasal għal ftehim mal-GWU li minnu gawdew il-ħaddiema Maltin kollha.

Dwar din il-ħidma tiegħi ġejt ikkritikat mill-media tal-lemin politiku. Qalu li mhix il-funzjoni ta’ Chairman ta’ kumpanija li jgħin lill-union waqt konflitt bħal dan u li jien l-uniku chairman li nġixxi b’dan il-mod. Dan kien minnu iżda l-kritika kienet nieqsa minn verità sostanzjali: li jien kont chairman-ħaddiem f’sistema ta’ demokrazija industrijali u differenti minn dik kapitalista. M’għandix dubju li kieku l-ekonomija kienet demokratizzata, kieku kollha kemm aħna qiegħdin ngħixu f’dinja ħafna aħjar.

Il-Ħaddiema ta’ Kalaxlokk maqfulin Barra – 1996

Fit-8 ta’ Mejju 1996 il-Kalaxlokk Construction Company sakkret lill-ħaddiema barra mill-post tax-xogħol fil-Freeport. Dan seħħ wara li ma kienx intlaħaq ftehim kollettiv. Il-gvern ried ukoll li jittrasferixxi lill-ħaddiema għal ma kumpaniji privati b’kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri. Dan kien joħloq nuqqas ta’ sigurtà tal-impjieg għall-ħaddiema. Il-GWU kienet ħadet xi azzjonijiet industrijali. Fis-17 ta’ Mejju, disat ijiem wara l-lock-out, il-gvern u l-Kalaxlokk Construction aċċettaw il-pożizzjoni tal-GWU kif ukoll tas-solidarjetà tal-ħaddiema, fosthom tat-tarzna, ma’ dawk tal-Kalaxlokk Construction.

Fil-15 ta’ Mejju, ġimgħa wara li beda l-lock-out, ġew ikellmuni fl-uffiċċju tiegħi Toni Coleiro, Ġużeppi Camilleri “il-Furnar”, u Alfred Micallef “il-Mickey”. Toni Coleiro spjegali li għalkemm il-ħaddiema ta’ Kalaxlokk huma determinati, il-gvern jiflaħ jistenna fit-tul. Mhux l-istess il-ħaddiema bil-familji x’ jitimgħu. Jekk il-kwistjoni ttawwal, kif kienet tidher li hi l-istrateġija tal-gvern, il-ħaddiema jistgħu jċedu u jitilfu.

Wara li ddiskutejna bejnietna ċempilt lis-Segretarju Ġenerali Anġlu Fenech u tlabtu biex l-erbgħa li konna (jien, Toni Coleiro, Ġużeppi Camilleri u Alfred Micallef) niltaqgħu miegħu u ma’ Tony Zarb, li dak iż-żmien kien Segretarju tat-Taqsima Port u Trasport tal-union. Iltqajna l-għada fl-uffiċċju ta’ Anġlu Fenech il-Belt. Ipproponejna lis-Segretarju Ġenerali pjan fuq tliet punti: levy kull ġimgħa mill-membri kollha tal-GWU biex il-ħaddiema locked out jingħataw paga mill-union u b’hekk ikunu jifilħu jtawlu bl-azzjoni industrijali; l-azzjonijiet industrijali jiżdiedu mit-Tnejn ta’ wara biex tikber il-pressjoni fuq il-gvern; u li l-GWU tgħajjat konferenza nazzjonali b’solidarjetà mal-ħaddiema ta’ Kalaxlokk u b’hekk jinġema’ aktar appoġġ. Anġlu Fenech infurmana li se jressaq dawn il-proposti quddiem il-Kunsill Nazzjonali tal-GWU. Aħna għednielu wkoll illi jekk il-gvern jibqa’ ma jiċċaqlaqx se ndaħħlu l-ħaddiema tat-tarzna direttament fil-konflitt b’solidarjetà ma’ ta’ Kalaxlokk. B’hekk mhux biss inkissru l-istrateġija tal-gvern li jtawwal biex il-ħaddiema jċedu, iżda mmorru wkoll fuq l-offensiva.

Malli spiċċajna mil-laqgħa, il-Mickey, Ġużeppi Camilleri, u jien morna l-Freeport fejn il-ħaddiema. Sibniehom, madwar 50 ruħ, jiffurmaw picket mal-bieb tal-post tax-xogħol. Inġabru magħna mill-ewwel, determinati iżda ħosbiena ħafna. Wara li tkellimna ftit magħhom, iddeċidejna li ninfurmawhom bid-deċiżjonijiet li konna għadna  kif ħadna mal-uffiċjali tal-GWU. Dan kien kontra kull norma iżda dak il-ħin dehru li kellhom bżonn min iqawwilhom qalbhom. Jien żidt ngħidilhom li anki huma  jridu jagħmlu l-parti tagħhom. Spjegajtilhom illi għandhom arma b’ saħħitha li jistgħu jużaw, “l-arma Koreana”, kif sejjaħtilha jien dak il-ħin. Fakkarthom li l-krejnijiet kbar tal-Freeport jistgħu faċilment jokkupawhom b’azzjoni industrijali u dan ikompli jxaqleb sewwa l-miżien favur tagħhom. Sejjaħtilha “l-arma Koreana” għax l-unions fil-Korea t’Isfel spiss użaw din it-tattika fl-azzjonijiet industrijali tagħhom.

Wara dan kollu l-każ mill-ewwel ħa xejra oħra. Sas-Sibt 18 ta’ Mejju, il-gvern kien aċċetta li jiftiehem skont it-termini tal-union u l-ħaddiema reġgħu ddaħħlu lura jaħdmu. Il-pjan tagħna ma kienx għadu bżonnjuż u allura nsejnieh. Tliet xhur wara, iżda, fakkrithulna ‘The Malta Indipendent’ tal-4 ta’ Awwissu 1996 bit-titlu “At the height of the Kalaxlokk lockout Drydocks militants planned to block Grand Harbour”.

7 “In-Nazzjon”, 1 ta’ Mejju 1992

8 “l-Orizzont”, 13 ta’ Frar 1993

9 “l-Orizzont”, 26 ta’ Frar 1993