http://markmontebello.blogspot.com/ on 26.01.2020

L-annimali li għandhom qrun, is-saħħa tagħhom tinsab fi qrunhom. Dawn jużaw qrunhom bħala arma tal-waħx. Jużawh bħal ponta ta’ lanza, bħal xafra ta’ xabla, bħal bajunetta t’azzarin, bħal raġġ laser. Annimali bħal dawn jikkonċentraw saħħithom kollha fi qrunhom u bih jissieltu biex jirbħu.
Simbolu ta’ qawwa
Mhux ta’ b’xejn li, fl-eqdem letteraturi tad-dinja, il-qarn dejjem issibu bħala simbolu ta’ qawwa u saħħa. Annimali li m’għandhomx qrun, imma minflok jużaw diffrejhom, snienhom, munqarhom, il-qorriegħa u x’naf jien, ma jagħmlu xejn kontra l-ħila ta’ qrun. Meta tagħraf li dan hu magħmul biss minn xagħar magħfus flimkien, għandek mnejn tistagħġeb x’saħħa bla qies tinsab f’għaqda bħal din.
Ridt insemmi dit-tixbiha hawnhekk mhux tant biex infaħħar l-annimali għal qrunhom, imma aktar biex nitħassar ’il dawk li tilfuh. M’hemmx dehra aktar patetika minn xi barri bla qies li tilef qrunu. B’għajnejh miksurin ma jagħmel arja ma’ ħadd u xejn għax jaf li saħħtu hi mitmuma, bħal meta ’l Sansun qatgħulu xagħru u temmewlu qawwietu.
Meta l-aqwa ta’ bhima tisfaxxa, x’jibqa’ fiha? Ma hi tajba għalxejn għajr biex titħassar u, agħar minn hekk, taqa’ taħt id-dwiefer, il-munqar, is-snien u l-qorriegħa ta’ xi annimali ħafna iżgħar minnha, u fis tingħeleb, tinqatel u tittiekel.
Ġwejjed ħarufi
Meta nsemmi soċjaliżmu mingħajr qrun irrid inġib f’moħħok qawwa mxejna jekk mhux ukoll mitmuma. Issib lil ħafna jgħajtu “soċjaliżmu” ’l hawn u “soċjaliżmu” ’l hinn, imma tintebaħ li dal-isem ma fih ebda sustanza. Bħal meta l-Iben t’Alla kien qal, “Mhux kulmin jgħajjatli, ‘Mulej, Mulej’, jidħol fis-saltna tas-smewwiet”. Tabilħaqq, mhux kulmin jgħajjat “soċjaliżmu”, “soċjaliżmu”, jixraqlu dan l-isem.
Għax dan l-isem jixraq biss lil min ma jaqtax qarn is-soċjaliżmu. Jixraq biss lil min ma jibdilx is-soċjaliżmu biex iġibu ġwejjed u ħarufi. Is-soċjaliżmu xejn m’għandu ġwejjed u ħarufi. Soċjaliżmu bla qrun mhux soċjaliżmu. Soċjaliżmu li ma, biex ngħidha hekk, ‘ma jniżżilx is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom u jgħolli ċ-ċkejknin’, ma jixraqlux l-isem ta’ soċjaliżmu.
Ħafna llum iżeffnu s-soċjaliżmu biex taparsi għandhom minnu. Madanakollu, meta tiġi għas-‘si’ u n-‘no’, issib li, flok soċjaliżmu, jifhmu xi ħaġa oħra. Jifhmu xi ħaġa li tpaxxi lil min jaħqar u ma tgħinx lill-maħqurin. Jifhmu xi ħaġa li tagħmilha tal-ħarufa tal-qawwija u tal-imtaten mad-dgħajfa, flok bil-kontra.
Mhux kulmin …
Min jippriedka soċjaliżmu bla qrun jaħqar lid-dgħajjef u l-fqajjar daqslikieku kien hu stess ma’ dawk li jaħqru biex isaltnu fuq ħaddieħor. Soċjaliżmu mingħajr qrun ma jħobbx il-ġustizzja, u ma jifraħx biha; imma jħobb il-paċi akkost ta’ kollox, u jifraħ bil-kompromessi.
Mhux kulmin jgħajjatli, “Mulej, Mulej” … Mhux kulmin jgħajjat “soċjaliżmu”, “soċjaliżmu” … Kull bniedem, mhux minn dak li jparla tkun taf x’jiswa, imma min dak li jagħmel. Kulħadd jaf iparla. Ukoll ix-xitan jaf jagħmilha t’anġlu. Imma l-għemil ma jqarraqx. L-għemil jikxef x’isarraf bniedem. Hekk ukoll, lis-soċjalisti mill-għemil tagħhom tagħarfuhom.
Min qabel kien jibża mis-soċjalisti aktarx kellu raġun; għax is-soċjaliżmu ma jaħfirha lil ebda sfruttatur. Imma llum, ma jibżax mis-soċjalisti min jaf li qrunhom, għax jisħtu minnu, mhux ħbewh, imma qaċċtuh. Saru soċjalisti bla qrun. Jiġifieri, fi kliem ieħor, soċjalisti li ma jiswew għal xejn.