Mintoff, il-Kostituzzjoni u d-diżarm

MINN SAMMY MEILAQ      PRESIDENT  FRONT MALTIN INQUMU

 

Meta l-Perit Mintoff irnexxielu jdaħħal in-Newtralità u n-Non-Allineament fil-Kostituzzjoni huwa kien qiegħed jibni fuq iż-żonqor. F’kull ħidma vera għall-paċi ma tistax tieħu naħa, trid bilfors tibqa’ fin-nofs biex tipprova tferraq. Aħna pajjiż żgħir u poplu żgħir li matul il-ġrajja tagħna dejjem intużajna għall-gwerrer ta’ ħaddieħor. Barra minn hekk iżda, Mintoff irnexxielu juri fil-prattika li l-għixien tagħna mhux biss jibqa’ ġej, imma attwalment jitjieb jekk naqilbu pajjiżna minn fortizza tal-barrani għal gżira li tgħix mill-industrija u t-turiżmu. Altru li bena fuq iż-żonqor!

 

Barra minn hekk il-Perit Mintoff dejjem saħaq ukoll li l-Mediterran għandu jinħeles mill-armamenti. Fil-fatt waħda mit-talbiet ewlenin tiegħu fil-Konferenza ta’ Helsinki fl-1975 kienet li jseħħ diżarm tal-armamenti mill-Mediterran. Id-diżarm huwa l-aqwa garanzija biex jinżamm il-paċi.

 

Għalhekk jekk il-mexxejja politiċi ta’ Malta iridu jibdlu xi ħaġa mill-Kostituzzjoni tagħna, għandna naraw li mhux biss inżommu in-Newtralità u n-Non-allineament imma għandna inżidu li Malta għanda taħdem biex il-Mediterran jinħeles mill-armamenti, speċjalment dawk nukleari. Għandna ninsistu fuq livell internazzjonali li minn Ġibilta sal-Kanal tas-Swejz ma jkunx permess li jbaħħru bastimenti tal-gwerra, speċjalment dawk nukleari. Wara kollox il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-bastimenti huma ta’ pajjiżi li m’ghandhom l-ebda rabta ġeografika mal-Mediterran, għax huma Amerikani, Russi, u Ingliżi.

 

U jekk insibu l-oppożizzjoni għandna nużaw l-istess argumenti ta’ dawn il-pajjizi. Meta ir-Russi kienu se jpoġġu l-missili nukleari f’Kuba il-gvern Amerikan, bir-raġun kollu tant ħadha kontra li wasal li hedded bi gwerra, għax Kuba tinsab bieb u għatba mal-Amerika. Ħadd ma tah tort lill-gvern Amerikan dak inhar. Meta dan l-aħħar ir-Russja appoġġjat referendum fil-Krimea biex din tingħaqad mar-Russja, Putin b’wiċċu minn quddiem qal li żgur mhux se jħalli lin-Nato tpoġġi l-missili nukleari fil-Krimea, eżatt mal-fruntiera tar-Russja.

 

Għalhekk huwa assolutament fl-interess tal-poplu Malti li fil-Kostituzzjoni, filwaqt li nżommu in-Newtralità u in-Non-Allineament inżidu ukoll il-ħidma lejn id-diżarm tal-Mediterran.