Malta art ta’ paċi – Fr. Mark. Montebello

–  http://markmontebello.blogspot.com/2020/10/malta-art-ta-paci.html

Il-ftehimijiet li bihom pajjiż sovran jaċċetta fi ħdanu l-preżenza militari ta’ pajjiż sovran ieħor jissejjaħ “Status of Forces Agreement”, fil-qosor SOFA. F’taħdidiet li kellu dan l-aħħar il-gvern Laburista attwali ma’ rappreżentanti tal-Istati Uniti tal-Amerika, għalkemm ma wasalx li jagħmel ftehim bħal dan, jidher li ’l hemm miexi. Ħaġa waħda hi żgura: ħażin għalih il-politiku li jerġa’ jġib il-militari barranin fostna.

Raddiena

B’xejn m’għandu wieħed jistagħġeb mill-politiċi, u la tal-lemin u la tax-xellug u lanqas tan-nofs. Jekk il-politika hi l-arti tal-isfruttament tal-opportunitajiet, allura l-politiċi huma l-akbar sfruttaturi u opportunisti. Dan ma ngħidux b’disprezz. Ngħidu bħala osservazzjoni ta’ stat ta’ fatt li qatt ma jiġi nieqes matul is-snin.

Mill-1979 ’il hawn, meta telaq minn artna l-aħħar suldat barrani, kemm-il darba l-għorrief prim ministri tagħna lagħbu mad-deċiżjoni kostituzzjonali li pajjiżna jaħdem “attivament [għall-] paċi, is-siġurtà u l-progress soċjali fost in-nazzjonijiet kollha” u jiċħad “li jipparteċipa f’kull alleanza militari”.

M’hemmx għalfejn tkun avukat bil-mustaċċi biex tifhem li l-politiċi avukati jafu jġibu l-kostituzzjoni raddiena mingħajr ma jxellfu diffrejn il-liġi mqar bi ftit. Dawn li jafu jgħaddu l-eħxen ġemel mill-irqaq għajn ta’ labra ma jafux kif jigdmu l-kostituzzjoni waqt li jbusuha?

Ambigwu

Ma tgħidx ċar u tond il-kostituzzjoni ta’ Malta li “l-ebda bażi militari barranija ma titħalla fuq territorju Malti”? Mela leġittimament ma jistgħux isiru ftehimijiet mal-Amerika jew ma’ xi pajjiż ieħor biex ikollhom is-suldati tagħhom hawnhekk. Suldati taħt ftehim tat-tip SOFA joħloq extra-territorjalità⸻jiġifieri biċċa art Maltija li għandha sovranità barranija⸻u dan hu kostituzzjonalment illeġittimu.

Ma tgħidx ukoll il-kostituzzjoni li ma jistax ikollok “il-preżenza f’Malta ta’ konċentrazzjoni ta’ forzi barranin”? U wkoll li “l-ebda persunal militari barrani ma jitħalla fuq territorju Malti”? Mela kif jistgħu leġittimament isiru ftehimijiet mal-Amerika li jistgħu jwasslu proprju għal dawn is-sitwazzjonijiet?

Jista’ jkun li l-gvern Laburista attwali ma wasalx s’hawn u għandu mnejn lanqas għandu f’moħħu li qatt jasal s’hawn. Imma allura għala qed jilgħab man-nar? Għala qed jagħmel bħalma għamlu prim ministri oħrajn qablu li jkun ambigwu fejn jidħlu dal-affarijiet? Il-kostituzzjoni hi ċara kristall għalih bħalma hi għal kull ċittadin ieħor Malti u Għawdxi. Mela għandu jġib ruħu bħal wieħed li jaf jaqra u mhux bħal ċaqlembuta.

Jgħarralu

Min qed iżeffen in-newtralità fin-nofs biex jgħawweġ u jdellel dil-istorja bil-piż ta’ dan il-kunċett qed jagħmel ħażin. Il-fatt li l-Maltin u l-Għawdxin ma jridux suldati Amerikani, Ingliżi jew ta’ xi pajjiż ieħor m’għandhiex x’taqsam biss mal-nawtralità. Għandha x’taqsam mad-deċiżjoni storika li din tkun BISS art ta’ paċi, mhux ta’ gwerra.

L-iskuża li l-Amerikani jew xi suldat ta’ xi ħadd ieħor jista’ jiġi hawnhekk mhux għal skopijiet ta’ gwerra imma għal skopijiet ta’ paċi hija daħka fil-wiċċ. Fejn qatt resaq xi mkien suldat b’azzarin u ma ġabx dannu u sfreġju għall-vittmi tiegħu? Is-suldati għall-gwerra qegħdin, jgħidu x’jgħidu l-avukati u l-mustaċċuni.

Malta mhijiex tal-gvern. Malta hija tal-poplu sovran Malti. Allura l-gvern ma jistax mingħajr dannu għalih innifsu jiddeċiedi li f’ħaġa fundamentali bħal din iwaqrrab ir-rieda tal-poplu sovran Malti. Din hi art tal-paċi. Hekk irriduha tibqa’. Ebda gvern m’għandu l-mandat jiddeċiedi mod ieħor mingħajr ma jgħarralu.