Macron ser ikompli l-gwerra kontra l-ħaddiema fi Franza.

Kollox qiegħed juri li l-president ġdid ta’ Franza, Emanuel Macron, se jkompli fejn ħalla dak ta’ qablu, Francois Hollande, fil-gwerra kontra l-ħaddiema fi Franza. Kollox qiegħed juri wkoll li l-ħaddiema fi Franza dalwaqt ma jibqalhomx triq oħra biex jiddefendu ruħhom ħlief billi jistrajkjaw u billi joħorġu jipprotestaw fit-toroq.

 

Il-president il-ġdid, Macron, qiegħed iħejji biex ikompli jordna aktar liġijiet kontra id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.  Il-mira tiegħu hija li jnaqqas l-impjiegi, jnaqqas il-pagi u jnaqqas id-drittijiet industrijali. Fost kollox irid ikompli jagħti aktar liberta lill-kumpaniji privati biex aktar minn qatt qabel ikunu jistgħu jkeċċu l-ħaddiema mix-xogħol anke bla raġuni valida. Naturalment dan irid jagħmlu mhux għax il-kumpaniji jimpjegaw ħaddiema aktar milli jkollhom bżonn, iżda biex is-sidien ikunu jistgħu jużaw dan id-dritt biex jirrikattaw lill-ħaddiema li jekk ma jaċettawx tnaqqis fil-kundizzjonijiet ta’ xogħol, allura jitkeċċew. B’dan ir-rikatt il-ħaddiema jkollhom jaċċettaw il-loqom flok drittijiet.

 

Macron irid ukoll li l-kumpaniji privati jkollhom id-dritt li jimpjegaw il-ħaddiema b’kundizzjonijiet li jkunu anqas minn dawk mifthemin mal-unions fuq livell nazzjonali. Irid ukoll jisforza l-ħaddiema biex jidħlu fi skemi ta’ penzjoni privata biex wara jkun jista’ jnaqqas il-penzjoni tal-gvern.

 

Sadanittant Franza ilha kważi sentejn taħt stat ta’ emerġenza li jagħlaq fil-15 ta’ Lulju li ġej. Wisq probabbli li Macron jestendi l-istat ta’ emerġenza biex bl-iskuża tat-terroriżmu jkun jista’ l-ewwel jordna l-liġijiet kontra l-ħaddiema mingħajr ma jkunu għaddew mill-parlament, imbagħad meta l-ħaddiema jistrajkjaw jew jipprotestaw, jibgħat il-pulizija armati biex jattakkawhom bil-lembubi u bil-gass tad-dmugħ, kif għamel Hollande qablu.

 

Il-gwerra industrijali fi Franza se tkompli.