M’ hawnx Union waħda favur il-ftehim C.E.T.A

Il-ftehim Comprehensive Economic and Trade Agreement bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada (CETA) ma jaqbel miegħu ħadd ħlief il-ftit kbarat li qedgħin jikluwielu mill-Unjoni Ewropea. Dan il-ftehim taparsi huwa ftehim kummerċjali imma fil-verita huwa ftehim politiku li se jkompli jgħaddi l-poter ekonomiku u politiku għand il-korporazzjonijiet kbar privati aktar milli diġa ġie mgħoddi.

Barra minn hekk dan il-ftehim, kif inhu mibni, se jkompli jkisser id-drittijiet soċjali kif ukoll id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol fl-Ewropa u fil-Kanada aktar milli diġa huma mkissrin. Għaldaqstant il-unions kollha tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea u dawk kollha fil-Kanada iddikjaraw ruħhom kontra dan il-ftehim. Kemm il-unions Ewropej, li huma organizzati fil-European Trade Union Confederation (ETUC), kif ukoll dawk Kanadiżi li huma organizzati fil-Canadian Labour Congress (CLC), iddikjaraw flimkien u pubblikament l-oppożizzjoni għal dan il-ftehim. Il-unions kollha qedgħin jinsistu li l-ftehim għandu jidħol fih il-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll tidħol il-garanzija li s-servizzi pubbliċi, bħas-servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni, jkunu garantiti għall-poplu.

Iżda l-kbarat tal-Unjoni Ewropea qedgħin jagħmlu l-kontra. Il-ftehim kif inhu se jwassal għat-telfien ta’ aktar drittijiet, ta’ żieda fix-xogħol prekarju, u ta’ telfien ta’ aktar kundizzjonijiet tax-xogħol. Għalhekk il-unions se jkomplu jopponu dan il-ftehim. Tant illi Linda Carr, Segretarja Konfederali tal-ETUC qalet illi “CETA is neither progressive nor fair. The fight to secure different agreements goes on”.

Il-unions ewlenin Maltin, il-General Workers Union, il-Union Ħaddiema Magħqudin, u il-Forum Unions Maltin, huma parti mill-ETUC u allura kontra l-ftehim CETA. Iżda l-parlament ta’ Malta, jiġifieri l-gvern u l-oppożizzjoni, huma favur tiegħu u se jdaħħlu lill-poplu Malti fih, avolja l-poplu ma jaqbillux.