Le għan-Nukleari

L-għajta ta’ “le għan-nukleari” għadha kif ħadet spinta l-quddiem. Ftit tal-ġranet ilu, fit-8 ta’ Lulju, waqt laqgħa tal-United Nations, 122 pajjiż qablu li għandu jidħol fis-seħħ trattat ġdid internazzjonali biex jiġu mwarrbin għal kollox l-armamenti nukleari. Dan it-trattat huwa msejjaħ Treaty on the Prohibition of Nuclear Weapons (TPNW). It-trattat jesiġi li l-ebda pajjiż ma għandu jiżviluppa, jittestja, jipproduċi jew jippossjedi armamenti nukleari. Jesiġi wkoll li l-ebda pajjiż ma għandu jħalli armamenti nukleari ta’ pajjiżi oħra ġewwa pajjiżu.

Dan it-trattat mistenni li jidħol fis-seħħ fl-20 ta’ Settembru li ġej meta jiġi iffirmat uffiċjalment mill-gvernijiet li jaqblu miegħu. Għalkemm 122 pajjiż qablu ma’ dan it-trattat, il-pajjiżi tan-Nato, fosthom l-Istati Uniti, l-Ingilterra, l-Ġermanja u Franza, ibbojkottjaw id-diskussjonijiet dwaru fil-United Nations biex juru li assolutament ma jaqblux li jiġu mwarrbin l-armamenti nukleari. (l-uniku pajjiż tan-Nato li ħa parti kienet l-Olanda li imbagħad ivvotat kontra it-trattat). L-istess għamlu iċ-Ċina, ir-Russja, l-Israel, l-Indja, il-Pakistan u l-Korea ta’ Fuq.

Dan ifisser illi:

(1) Għalkemm dan it-trattat se jidħol fis-seħħ u jkun jorbot legalment, il-pajjiżi li għandhom l-armi nukleari u l-pajjiżi tan-Nato mhux se jikkonoxxu id-deċizjoni mittieħda b’vot demokratiku fil-United Nations.

(2) Xorta waħda, iżda, dan it-trattat se jkun bidu b’saħħtu lejn mixja biex jittwarrbu l-armamenti nukleari, għax għandu l-appoġġ tal-popli tad-dinja kollha.

(3) Fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, skond l-opinion polls il-popli huma kollha kontra l-armamenti nukleari, u din l-oppożizzjoni tvarja bejn 80% u 90% minn pajjiż għall-ieħor. Dan ifisser ukoll li l-Unjoni Ewropea qiegħda tiddetta fuq il-popli dwar din il-kwistjoni, bħal ma tagħmel f’ħafna kwistjonijiet oħra.

Il-Front Maltin Inqumu jispera u jistenna li l-gvern Malti jagħmel dmiru fl-interess nazzjonali kif ukoll f’dak internazzjonali u f’Settembru li ġej jiffirma dan it-trattat. Nistennew u naraw.