L-Unjoni Ewropea tkompli tgħakkes aktar lill-poplu Grieg

Il-poplu Grieg issa ilu tmien snin sħaħ jinħaqar mill-mexxejja tal-Unjoni Ewropea. Kienu tmien snin ta’ imponiment ta’ kundizzjonijiet taparsi biex titranġa l-ekonomija tal-Greċja, meta fil-verita il-mira tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea hija biss li jsalvaw lill-banek falluti Ġermaniżi u Franċiżi. Il-gvernijiet Griegi ġew ordnati jnaqqsu l-pagi u l-penzjonijiet, inaqqsu is-servizzi soċjali u is-servizz tas-saħħa pubblika, jgħaddu bi ftit flus l-assi tal-poplu lill-korporazzjonijiet kbar privati, jissensjaw lill-ħaddiema, u jżidu it-taxxi fuq min jaqla’ l-anqas waqt li jnaqqsuhom minn fuq min jaqla’ l-aktar.

Matul dawn it-tmien snin il-kbarat tal-Unjoni Ewropea, biex jingannaw lill-Griegi dejjem qalu li permezz ta’ dawn il-miżuri li qegħdin jordnaw fl-aħħar l-ekonomija tal-Greċja se tirpilja u kollox jerġa lura għan-normal. Minflok, iżda, ġara l-kontra, għax l-ekonomija tal-Greċja inxtorbot u staġnat, il-qagħad huwa ta’ 25% sena wara l-oħra, u ir-rata tal-faqar hija ta’ 35%.

Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea, matul dawn it-tmien snin, qatt ma ħadu responsabilta tar-riżultat diżastruż tad-deċiżjonijiet li imponew fuq il-poplu Grieg. U għadhom sal-lum iridu jimponu aktar moħqrija fuq il-Griegi. Matul l-aħħar negozjati bejn il-kbarat tal-Unjoni Ewropea u l-gvern Grieg, il-kbarat baqgħu jinsistu għal aktar tnaqqis fil-penzjonijiet, biex jingħataw aktar sensji, u biex tiżdied l-income tax fuq il-ħaddiema tal-paga.

Il-Greċja illum hija l-akbar vetrina tal-Unjoni Ewropea Anti-Soċjali! Mhux ta’ b’xejn li l-għajta ta’ “solidarjeta” ma għada tinstema imkien minn dawk li dejjem faħħru l-politika tal-Unjoni Ewropea!

Sadanittant din il-ġrajja ta’ ngann se tibqa’ sejra għax l-ordnijijiet tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea se jkomplu biss jgħarrqu l-qagħda fil-Greċja. U bir-raġun kollu il-unions tal-ħaddiema Griegi se jkomplu bir-reżistenza kontra dan l-ingann billi jkomplu jorganizzaw l-istrikes u d-dimostrazzjonijiet fit-toroq.