L-Unjoni Ewropea tħarrax il-gwerra kontra l-ħaddiema Griegi

Il-Greċja issa ilha tmien snin għaddejja minn kriżi finanzjarja u ekonomika. Matul dawn it-tmien snin il-kbarat tal-Unjoni Ewropea imponew miżuri ta’ żiediet fit-taxxi, tnaqqis ta’ benefiċċji soċjali, u tnaqqis fil-pagi u fil-penzjoni, għax qalu li hekk hemm bżonn biex il-Greċja terġa tqum fuq saqajha. Sena wara l-oħra flok ġara hekk ġara l-kontra, l-ekonomija inxtorbot bi 30%, il-qagħad huwa ta’ 25% (fost iż-żgħażagħ 50%) u ir-rata tal-faqar hija ta’ 35%.

Dan ir-riżultat ma seħħx għax il-pjan tal-kbarat tal-UE mar żmerċ. Dan ir-rizultat seħħ propju kif kien mistenni, għax il-kbarat tal-UE assolutament ma kien jimpurthom xejn mill-poplu Grieg. Kien jimpurthom biss mill-banek privati Ġermaniżi u Franċiżi li kienu se jsofru telf fuq investimenti li kienu għamlu fil-Greċja. Allura għamluha diffiċli kemm felħu biex il-gvern Grieg ma jitlaqx miż-żona euro u jħalli lill-banek jistennew sakemm il-pajjiż jirranġa u mbagħad iħallas wara. Hekk għamel il-gvern tal-Iżlanda, li tmien snin ilu ukoll kien fl-istess sitwazzjoni tal-Greċja. Iżda Iżlanda mhix fl-Unjoni Ewropea u ma ċedietx għall-pressjoni li seret fuqha. L-Iżlanda ħelset mill-kriżi f’sentejn. Il-Greċja, bl-imponimenti tal-UE, għadha għaddejja mill-quċċata tal-kriżi sal-lum.

Il-miżuri li mponew il-kbarat tal-Unjoni Ewropea kienu kollha immirati biss lejn il-klassi tal-ħaddiem Griegi. Il-miżuri kollha jolqtu biss lill-ħaddiema. Għall-kbarat u għas-sidien qatt ma kien hemm kriżi ta’ xejn. Bir-raġun allura, matul dawn it-tmien snin, l-ħaddiema Griegi, immexxijin mill-unions, kienu fuq quddiem jistrikjaw u jagħmlu dimostrazzjonijiet kontra l-Unjoni Ewropea u kontra l-mod kif din qiegħda timxi mal-poplu Grieg.

L-aħħar żviluppi fil-Greċja juru li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea, wara tmien snin ta’ użura kontra l-ħaddiema Griegi, għadhom bil-għatx għal aktar kefrija. L-aħħar ftehim li imponew ftit ilu kien jinkludi li l-Unjoni Ewropea tislef aktar flus lill-gvern Grieg biex dan ikun jista’ jħallas l-imgħaxx tal-użura tad-dejn li qatt ma jista’ jiġi irkuprat. L-Unjoni Ewropea ġabet lill-Greċja f’sitwazzjoni fejn l-imgħaxx qatt ma jista’ jiġi megħlub. Dan il-fatt illum tafu id-dinja kollha. U fuq quddiem nett hemm l-International Monetary Fund (IMF) li qiegħda tgħid hekk ukoll!

Iżda l-kilba li għandhom il-kbarat tal-Unjoni Ewropea għall-użura minn fuq il-ħaddiema hija bla tarf. Ma l-aħħar ftehim imponut fuq il-ħaddiema Griegi ftit tal-ġranet ilu, l-Unjoni Ewropea imponiet aktar tnaqqis fil-penzjoni, li l-Unjoni Ewropea diġa naqqset għal €384 fix-xahar. Imponiet ukoll liġi li tħalli lis-sidien ikeċċu lill-ħaddiema mix-xogħol bla raġuni valida, għax hekk hija l-politika tal-Unjoni Ewropea.

Il-klassi tal-ħaddiema fil-Greċja ma fadalliex triq oħra ħlief li żżid l-oppożizzjoni permezz tal-general strikes u tal-irvellijiet fit-toroq jekk trid teħles mill-użura tal-Unjoni Ewropea.