L-Unjoni Ewropea tfassal pjan għal aktar gwerrer.

Matul dawn l-aħħar xhur il-kbarat tal-Unjoni Ewropea komplew għaddejjin bil-ħidma biex iżidu l-gwerrer. Għalhekk ħejjew pjan ta’ għaxar snin biex jiżdiedu l-forzi militari tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, biex jinxtraw aktar armamenti, u biex jitwaqqaf kwartieri ġenerali ġewwa Brussels minn fejn jitmexxew il-gwerrer.

Agħar minn hekk il-kbarat ma stħawx jgħidu li jridu jżidu l-forzi militari mhux biex jiddefendu l-Ewropa f’każ ta’ bżonn, imma “biex il-politika barranija tal-Unjoni Ewropea tissaħħaħ permezz ta’ militariżmu aktar b’saħħtu”. Din hija duttrina militarment faxxista u kieku kull pajjiż jimxi fuqha ħlief gwerrer fid-dinja ma jkunx hawn.

Il-poplu Malti għandu jopponi dan il-pjan għal ħafna raġunijiet. L-Unjoni Ewropea, matul dawn l-aħħar snin, daħlet flimkien mal-Istati Uniti fil-gwerrer fl-Afghanistan,l-Iraq, is-Sirja, il-Libja,il-Mali u s-Sudan. Apparti li dawn kienu kolla gwerrer immorali, l-Unjoni Ewropea ma rebħet assolutament xejn minnhom u ħalliet biss ħerba qirda u mwiet ta’ nies innoċenti. Meta wieħed iqis li dawn il-pajjiżi li ġew attakkati huma kollha pajjiżi iżlamiċi, mill-ewwel jinduna li kienu dawn l-istess gwerrer li kabbru u li seħħew it-terroriżmu iżlamiku.

Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea dejjem qabdu u iddeċidew bejniethom dwar dawn il-gwerrer, avolja jafu kemm il-popli tal-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea huma kontra tagħhom. L-istess qegħdin jagħmlu issa b’an il-pjan ta’ għaxar snin biex ikomplu jżidu l-gwerrer. L-anqas ħaġa li jimpurthom hija id-demokrazija. L-aqwa li l-korporazzjonijiet kbar li jipproduċu l-armamenti jkomplu jżidu l-qliegħ minn fuq demm in-nies innoċenti.

Barra minn hekk il-gwerrer li daħlet fihom l-Unjoni Ewropea ħolqu miljuni kbar ta’ refuġjati. Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea dan jafuh imma xejn ma jdejjaqhom. Anzi għalihom aħjar għax aktar ma jidħlu refuġjati fl-Unjoni Ewropea aktar jonqsu l-pagi, jonqsu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema, u jiżdiedu l-profitti tal-kumpaniji privati kbar.