Ftit tal-ġranet ilu, fit-22 ta’ Marzu, 2017, seħħ attakk terrorista fil-qalba ta’ Londra. Inqatlu ħamsa minn nies, inkluż l-persuna li wettqet dan l-attakk u erbgħin ġew midrubin, uħud minnhom serjament. Bla dubju ta’ xejn dan l-attakk u kull wieħed bħalu huwa kundannabbli. Inqatlu u ġew midruba nies innoċenti. L-attakk terrorista twettaq minn terrorista Iżlamiku. Dan l-attakk huwa biss wieħed minn numru ta’ attakki terroristi Iżlamici li qegħdin iseħħu regolarment f’diversi pajjiżi.
Iżda għaliex eżattament seħħ dan l-attakk terrorista? U għaliex fil-qalba ta’ Londra?
Matul dawn l-aħħar madwar 20 sena l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea daħlu f’numru ta’ gwerrer kontra diversi pajjiżi Iżlamici. Dawn il-gwerrer kienu fl-Afganistan, l-Iraq, is-Somalja, l-Kosovo, il-Libja, is-Sirja u l-Jemen. Dawn il-gwerrer ħlief qirda ma ġabux u kulħadd jaf li saru biss għall-kisba taż-żejt u għad-dominanza militari mill-Istati Uniti u mill-Unjoni Ewropea.
Il-gwerra fil-Jemen issa ilha għaddejja għal sentejn. F’dan il-pajjiż kien hemm inkwiet politiku intern bejn żewg naħat, iżda l-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, u l-Arabja Sawdija iddeċidew li jindaħlu militarment billi jattakkaw naħa f’dan il-konflitt intern permezz ta’ attakki mill-ajru. Agħar minn hekk, ħafna mill-attakki li saru kienu għal tal-apposta fuq sptarijiet, skejjel, swieq, u postijiet fejn jgħixu in-nies. Anke tiġijiet u funerali ġew attakkati mill-ajru. Fl-ewwel 18 il-xahar ta’ din il-gwerra kienu inqatlu madwar 10,000 ruħ pajżana innoċenti. Dawn l-attakki kriminali huma atti ta’ terroriżmu mill-gvernijiet li wettquhom u għadhom iwettquhom.
L-attakki terroristi fuq in-nies tal-Jemen saru mill-forzi armati tal-Arabja Sawdija. Iżda l-ajruplani u l-bombi tipprovdihom l-Ingilterra, għax l-Arabja Sawdija ma tipproduċix armamenti. Barra minn hekk, peress li l-forzi militari tal-Arabja Sawdija m’għandhomx esperjenza biżżejjed, il-command centre tal-Arabja Sawdija minn fejn jittmexxew l-attakki fuq l-iskejjel u fuq l-isptarijiet jitmexxa minn uffiċjali Ingliżi li għandhom l-esperjenza militari. Bla dubju l-attakk terrorista li għadu kif seħħ ġewwa Londra huwa risposta għall-attakki terroristi mill-Ingilterra fil-Jemen. Dan, iżda, bl-ebda mod ma jiġġustifika l-attakk li sar ġewwa Londra.
Il-verita allura hija li għaddejja gwerra bejn żewġ terroriżmi, dak ta’ gvernijiet tal-punent, u dak Iżlamiku. Jidher ċar ukoll li t-terroriżmu Iżlamiku mhux ser iċedi qabel jieqaf ukoll it-terroriżmu tal-gvernijiet tal-punent.
F’din is-sitwazzjoni, Malta għandha tibqa’ newtrali u taħdem biex iż-żewġ naħat jieqfu mit-terroriżmu u qatt ma għandha iżżomm jew tgħin lil xi naħa. Malta għandha tagħmel hekk kemm għal raġuni morali biex tinkiseb il-paċi, kif ukoll għax jekk nindaħlu kontra l-islamici insiru mira għall-attakki wkoll. U jekk insiru mira ħadd ma jista’ jiddefendina. It-tattika gwerilliera tat-terroriżmu turi li l-Unjoni Ewropea lanqas il-qalba tal-ibliet ewlenin tagħha ma tista’ tiddefendi. Londra, Pariġi, Brussell, Nizza, Berlin u ħafna bliet oħra sofrew u se jibqu’ jsofru l-attakki. Allura żgur li lanqas ma tista’ tiddefendi lilna.