Minn Sammy Meilaq President Front Maltin Inqumu
Ir-riżultat tal-elezzjoni ġenerali fl-Ungerija kien wieħed li jista’ jissejjaħ ribelljoni sħiħa kontra l-kbarat li jmexxu l-Unjoni Ewropea. Minn total ta’ 199 siġġu il-Partit Fidez kiseb 134, il-Partit Jobbik tella’ 25, is-Soċjalisti 20, u l-20 siġġu l-oħra imqassmin ma’ ħames partiti żgħar oħra. Barra minn hekk din hija it-tielet rebħa konsekuttiva għall-Fidez, li jopponi bis-sħiħ il-mod kif l-Unjoni Ewropea qiegħda kull ma tmur ixxekkel il-poteri tal-parlamenti tal-pajjiżi u fl-istess ħin tieħu f’ideja dawn l-istess poteri ta’ tmexxija u timponi fuq il-pajjiżi fl-Ewropa. Il-gvern tal-Fidez kemm il-darba sfida l-ordnijiet tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea, speċjalment dwar l-immigrazzjoni.
Kollox juri li l-gwerra bejn il-kbarat ta’ Brussels u dawk li mhux lesti jaċċettaw l-imponimenti sejra tiħrax sewwa fiż-żmien li ġej. L-Ungerija hija pajjiż żgħir ta’ 10 miljun ruħ, iżda r-rebħa elettorali tal-Fidez trid titqies flimkien mar-rebħiet l-oħra li għamlu l-partiti ta’ kontra Brussles f’pajjiżi oħra, fosthom fi Franza, l-Italja, l-Polonja, l-Finlandja, u l-Awstrija. U ovvjament wieħed irid iqis ukoll l-akbar ribelljoni kontra Brussels, il-Brexit.
Kollox juri li din il-gwerra se tiħrax. Il-maġġjoranza assoluta tan-nies fl-Unjoni Ewropea, anke dawk li jixtiequ li l-Unjoni Ewropea tirnexxi, huma kontra li l-kbarat ta’ Brussels ikomplu jiddettaw. Il-maġġjoranza trid li tidħol il-vera demokrazija fl-Unjoni Ewropea. L-unika istituzzjoni eletta tal-UE hija l-Parlament. Iżda dan hu biss parlament-taparsi, għax għalkemm elett, ma jikkmanda xejn, ma għandu dritt jiddeċiedi xejn, u lanqas ma għandu d-dritt li għaddi liġijiet. Il-poter tad-deċizjonijiet kollha qiegħed f’idejn il-Kummissjoni li hija magħmula minn nies li m’humiex eletti miċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea biex imexxu l-Ewropa. Tant hu parlament-taparsi li imkien fid-dinja ma jeżisti ieħor bħalu. U barra li ma jikkmanda xejn, jiswa l-belli liri kbar liċ-ċittadini tal-UE.
Iżda l-kbarat ma jimpurthom xejn minn dan kollhu. Juncker, Merkel, Tusk, u l-bella kumpanija xorta qedin jinsistu li jkomplu jiġmgħu il-poter f’idejhom ġewwa Brussels. L-aħħar ħaġa li jridu hija Ewropa demokratika. Fiż-żminijiet li ġejjin xi naħa jkollha iċċedi, u l-Unjoni Ewropea jew timxi lejn dittatorjat, jew lejn id-demokrazija.