L-irvellijiet ta’ Ħamburg kienu neċessità imponuta mill-kbarat

Il-belt Ġermaniża ta’ Ħamburg ftit ilu għaddiet minn tlett ijiem u tlett iljieli ta’ rvellijiet fit-toroq. Dawn l-irvellijiet kienu kontra l-mexxejja tal-pajjiżi tal-G20, li huma l-aktar pajjiżi għonja fid-dinja. I-Unjoni Ewropea hija parti minn dan il-grupp, iżda l-Ġermanja, l-Ingilterra, Franza u l-Italja huma wkoll separatament membri tal-G20.

Dawn l-irvellijiet ma kienux xi eċċezzjoni, għax dejjem hekk jiġri meta issir laqgħa tal-G20. Fil-fatt il-pulizija ta’ Ħamburg kienu diġà ħadu żewġ miżuri bil-quddiem biex jippruvaw jikkontrollaw lid-dimostranti. Kienu diġà ippreparaw ħabsijiet mobile biex joħduhom fejn id-dimostranti u jaqfluhom fihom. Kienu wkoll ħolqu “lazzarett” fil-post fejn isiru il-laqgħat tal-mexxejja tal-G20, u b’hekk ħadd mid-dimostranti ma jkun jista’ jidħol jipprotesta fejn ikunu qegħdin jiltaqgħu l-kbarat. Iżda anke l-mexxejja tal-G20 ukoll kienu maqfulin ġo dan il-“lazzarett” u bħala prekawzjoni ta’ sigurta ma tħallewx joħorġu minnu.

Iżda id-dimostranti, li b’kollox kienu jlaħħqu mal-100,000, xorta waħda ippruvaw jisfrundaw dan il-“lazzarett” biex iżommu id-dritt tagħhom li jipprotestaw. Hawnhekk inqala’ ħafna inkwiet li żviluppa fi tlett ijiem ta’ rvellijiet u ġlied mal-pulizija, li kienu armati bil-helicopters, karrijiet armati u gass tad-dmugħ. Ħafna postijiet ingħataw in-nar, nies sfaw feruti u oħrajn arrestati.

Għaliex  din il-qilla kollha miż-żgħżagħ Ġermaniżi, u oħrajn mill-viċin, kontra l-mexxejja tal-G20? Ir-risposta hija li kulħadd jaf illi dawn il-mexxejja huma l-kaġun tal-problemi kollha li għaddejjin  minnhom il-popli tad-dinja illum.

L-inegwaljanza fost il-klassijiet soċjali dejjem tkompli tikber. Il-kriminalità organizzata fis-sistema bankarja dejjem tkompli għaddejha. Il-moħbiet fejn jinħbew il-flus tal-kumpaniji kbar biex ma jħallsux taxxa hemm għadhom u hemm se jibqgħu. Sadanittant hemm flus bla limitu biex mill-but tal-poplu nissussiddjaw lill-banek privati falluti u biex nonfqu l-biljuni fil-gwerrer kontra pajjiżi żgħar flok nużawhom għall-ġid komuni.

Dawn huma veritajiet sagrosanti. Iżda l-kbarat ma jimpurthomx. Tant hu hekk illi, għalkemm tista’ tgħid li waqt din il-laqgħa tal-G20 huma ma ftehmu fuq xejn, huma lanqas biss iddiskutew dawn  il-kwistjonijiet li d-dimostranti kienu qegħdin jipprotestaw fuqhom. Dan juri li mhux talli l-protesti kienu ġustifikati, anzi juri li hemm bżonn jiżdiedu u jsiru aktar ħorox biex forsi jingħataw widen.