L-Invażjoni ta’ Kuba.

Il-mewt riċenti ta’ Fidel Castro tfakkar ħafna ġrajjiet li għadda minnhom il-poplu Kuban taħt it-tmexxija tiegħu. Ġrajja mill-aktar kbira kienet l-invażjoni ta’ Kuba fl-1961.

Malli Castro beda’ jmexxi l-poplu Kuban, il-gvern tal-Istati Uniti mill-ewwel beda’ żewg gwerrer kontra tiegħu u kontra Kuba. Gwerra waħda kienet dik ekonomika billi ordna embargo fuq kull kummerċ mill-Amerika ma’ Kuba. Barra minn hekk ordna wkoll li jekk xi pajjiż ieħor jagħmel kummerċ ma’ Kuba u jkollu flus investiti f’banek Amerikani dawn il-flus jiġu konfiskati. Din il-gwerra ekonomika issa ilha għaddejja għal aktar minn ħamsin sena u kienet ta’ dannu kbir għall-ekonomija ta’ Kuba. B’danakollu Castro xorta waħda irnexxielu jmexxi l-poplu il-quddiem tant li Kuba għandha fost l-aqwa servizzi tas-saħħa u tal-edukazzjoni li hawn fid-dinja.

Il-gwerra l-oħra kienet dik militari. Il-gvern tal-Istati Uniti ma riedx lil Castro jmexxi Kuba għax ried lil xi ħadd bħad-dittatur faxxista Battista fil-poter. Ried lil xi ħadd jinxtara mill-korporazzjonijiet Amerikani u jmexxi Kuba kif jaqbel lilhom. Għalhekk ipprepara biex jinvadi Kuba u jtajjar lil Castro u l-gvern tiegħu. Ġabar madwar 1,400 Kuban li kienu kontra Castro u li kienu jgħixu fl-Istati Uniti, tagħhom it-taħriġ u l-armamenti, u poġġiehom taħt il-kmand ta’ fizzjali tal-armata Amerikana biex ikunu parti mill-invażjoni. Il-gvern Amerikan alloka wkoll budget ta’ 13-il miljun dollaru għal din l-invażjoni.

L-invażjoni bdiet fl-14 ta’ April tal-1961 meta żewġ aircraft carriers Amerikani il-USS Essex u l-USS Shangri La, flimkien ma’ ħames destroyers qorrbu lejn Kuba u l-għada bdew jibbumbardjaw mill-ajru. Fis-16 ta’ April sar l-ewwel inżul fuq l-art minn parti zgħira tal-forza tal-invażjoni, imma is-suldati Kubani mill-ewwel irnexxielhom jgħelbuhom. Imbagħad l-għada, 17 ta’ April, niżlet il-forza kollha biex tinvadi Kuba mill-bajja ta’ Playa Giron, illum magħrufha bħala il-Bajja tal-Ħnieżer. Matul din l-invażjoni kien hemm ġlied qalil u mietu suldati miż-żewġ naħat, iżda l-invażjoni sfumat, tant li wara tlett ijiem il-forza Amerikana ċediet l-armi għal kollox.

Fidel Castro, mgħejjun minn Che Guevara, mexxa personalment id-difiża ta’ Kuba waqt il-ġlied kollhu. Kienet din l-invażjoni li wara ġelet lil Castro biex ifittex aktar il-kenn militari tal-Unjoni Sovjetika.