L-Ewropa maqsuma f’erba’ biċċiet.

Il-laqgħa għolja tal-kbarat tal-Unjoni Ewropea ġewwa l-belt ta’ Bratislava fis-Slovakkja fid-9 ta’ Settembru li għadda spiċċat b’erba’ qasmiet kbar fost il-mexxejja tal-UE.

Merkel u Hollande iridu li l-UE issir allejanza militari immexxija minn ġewwa Brussell u bil-forzi militari tal-pajjiżi tal-UE jibdew jiġu kkmandati minn Brussell. Ovvjament Merkel u Hollande iridu hekk għax il-Ġermanja hija l-aktar pajjiż li jikkmanda fi Brussell, u warajha tiġi Franza.

Il-mexxejja tal-grupp magħruf bħala Visegrad, magħmul mill-Polonja, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u s-Slovakkja, iridu li Brussell inaqqas il-poteri, u mhux ikompli jżidhom. Iridu li il-parlamenti nazzjonali, eletti demokratikament mill-popli tal-pajjiżi fl-UE, jerġgħu jirbħu lura d-dritt li jieħdu diversi deċiżjonijiet li Brussell neħħiehom matul dawn l-aħħar snin. Fost dawn id-deċiżjonijiet hemm dawk dwar l-immigrazzjoni. Il-Ġermanja hija kontra li jsir hekk.

Imbagħad hemm il-pajjiżi tal-Mediterran li l-mexxejja tagħhom qedin jargumentaw li l-politika ekonomika tal-UE falliet. Qedin jargumentaw li l-politika tal-UE ħolqot ħafna qagħad, faqar u xogħol prekarju u allura għandha tinbidel. Iżda l-Ġermanja ukoll hija kontra u ma trid l-ebda tibdil fil-politika ekonomika. Il-pajjiżi tal-Mediterran iridu wkoll li l-immigranti, li l-ewwel ma jiġu huwa fil-Mediterran, dawn jiġu mqassma mal-kumplament tal-UE. Dwar dan il-mexxejja tal-grupp Visegard qed jopponu bil-qawwa kollha u ħalfu li ma jaċċettawx li jieħdu xi immigranti.

Il-qasma l-oħra, li hija ukoll l-akbar waħda, hija tar-Renju Unit, li lanqas biss ma kien mistieden għal din il-laqgħa għolja ġewwa Bratislava issa li iddeċieda li joħroġ mill-UE.

Filwaqt li l-mexxejja tal-UE huma allura maqsumin f’erba’ toroq differenti, il-popli tal-UE se jitħallew kif inhuma, maqsumin fi tnejn: dawk il-ħafna li jridu jitbażwru għall-ħobża ta’ kulljum u dawk il-ftit li ħobżhom maħbuż. Dan għaliex waqt din il-laqgħa għolja ma ħareg l-ebda ħjiel u ma dehret l-ebda tama li l-UE tbiddel it-triq falluta li gabdet tant qagħad, faqar u xogħol prekarju.