L-Elezzjoni fi Franza u Jean Luc Mélenchon

Jean Luc Mélenchon

Ftit tal-ġimgħat oħra fi Franza tinżamm l-ewwel votazzjoni tal-elezzjoni presidenzjali. Peress li ħadd mill-kandidati m’hu mistenni li jikseb maġġjoranza, wara issir it-tieni elezzjoni bejn l-aktar tnejn mill-kandidati li jkunu ġabu voti fl-ewwel votazzjoni. Il-kariga ta’ President fi Franza hija eżekuttiva u jġorr ħafna poteri. Franza hija pajjiż kbir u ir-riżultat tal-elezzjoni jista’ jħalli impatt fuq l-Unjoni Ewropea kollha.

Minn fost il-kandidati hemm tnejn li jopponu l-politika tal-Unjoni Ewropea tant li jridu li Franza titbiegħed kemm tiflaħ minn din l-Unjoni. Fuq quddiem hemm Marine Le Pen, li trid li Franza toħroġ miż-żona euro u minn Nato. Le Pen trid ukoll li trażżan l-immigrazzjoni u mistennija li tirbaħ l-ewwel votazzjoni.

Imbagħad hemm Jean Luc Mélenchon. Mélenchon huwa għalliem, iħaddan twemmin soċjalista, u ilu elett membru tal-Parlament tal-Unjoni Ewropea mill-2009. Huwa kien ilu membru fil-Partit Soċjalista Franċiż sa minn żogħżitu, iżda fl-2008 telaq u ifforma il-Partit tax-Xellug għax ra li l-Partit Soċjalista Franċiż kien qiegħed jerħi l-vera miri soċjalisti u jintefa’ fuq in-naħa anti-soċjali.

Il-programm ta’ Jean Luc Mélenchon jinkludi li jerġa jrodd lura id-drittijiet industrijiali li l-ħaddiema Franċiżi tilfu minħabba l-politika tal-Unjoni Ewropea; li jkabbar il-welfare state; li jara li l-ġid maħluq mill-poplu jinqasam bejn kullħadd, mhux jispiċċa għand il-ftit. Iżda Mélenchon jaf li ma jistax iwettaq dan il-programm bir-rabta ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea, rabta ta’ trattati li jordnaw politika anti-soċjali. Allura, bħal Marine Le Pen, huwa jrid ukoll li Franza taħroġ mit-trattati kollha tal-Unjoni Ewropea. Bħal Le Pen ukoll irid li Franza toħroġ minn Nato. Melenchon jakkuża lill-kbarat tal-Unjoni Ewropea li qedgħin jifgaw il-vuċi tal-popli tal-pajjiżi fl-Unjoni.

Filwaqt li Le Pen qiegħda taqbeż il-25% tal-appoġġ fl-opinion polls, Mélenchon laħħaq l-aktar il-15%.  Iżda għalkemm Mélenchon ma jidhirx li jista’ jirbaħ din l-elezzjoni, kollox jindika li l-votanti Franciżi se jesprimu nuqqas ta’ qbil mal-kbarat tal-Unjoni Ewropea ħafna aktar milli ġara fl-elezzjonijiet tal-imgħoddi.