Il-Front Maltin Inqumu qiegħed ixandar ir-rakkont spjegat minn Sammy Meilaq, intitolat ”L-attakk fuq il-bini tal-Kurja jagħmel ġid kbir lill-fidi f’Malta” nhar it-28 ta’ Settembru 1984, mill-pubblikazzjoni “Bicciet Minni” ta’ Sammy Meilaq. Huwa li kien fil-marċ mal-ħaddiema l-oħra, jirrakkuntaw x’ġara dak inhar fil-ktieb “Biċċiet minni”. Waqt dan il-marċ sar ħbit fuq il-Kurja u sar xi tkissir.
Soru żagħżugħa ġewwa Kalkutta, l-Indja, kienet tgħallem fi skola tal-Knisja Kattolika. Ħasset li mhux sew li tgħallem lit-tfal tal-familji sinjuri li jistgħu jħallsu meta ħafna tfal oħra kienu mitluqin fit-toroq, bil-ġuħ, bla kenn u bla tagħlim. Irraġunat li dan mhux skont il-Vanġelu. Telqet mill-iskola u marret fit-triq tieħu ħsieb dawn it-tfal u nies oħra fil-bżonn. Il-Kurja ta’ Kalkutta għall-ewwel ma tatx kas billi telqet soru waħda, iżda meta bdew jitilqu oħrajn magħha, il-Kardinal heddidha saħansitra bl-iskomunika. Tereża ma ċedietx u kompliet bl-attakk tagħha fuq il-Kurja billi baqgħet tisfida. It-theddid tal-Kurja qajjem għadab kbir fost kulħadd, anki fost il-Ħindu u l-Musulmani, tant li l-Kurja kellha ċċedi. Illum kulħadd jaqbel li bl-azzjoni tagħha Tereża għamlet ġid kbir lill-fidi Nisranija.
Il-Ġimgħa 28 ta’ Settembru 1984 il-ħaddiema tat-tarzna, bl-eluf tagħhom, immarċjaw bil-mixi u bit-trakkijiet mit-tarzna sal-Belt Valletta. “l-orizzont” tal-għada s-Sibt 29 ta’ Settembru rrapportat hekk:“Il-ħaddiema tat-tarzna llum taw prova konkreta u bil-fatti li t-titlu tagħhom tal-8th Army tal-Moviment tal-Ħaddiema jistħoqqilhom tabilħaqq. Il-ħaddiema tat-tarzna taw wirja tal-forza kbira u l-appoġġ assolut tagħhom għall-Moviment tal-Ħaddiema mhux biss qalb il-baċiri tat-tarzna fejn taw merħba meraviljuża u stupenda lill-Mexxej Suċċessur Karmenu Mifsud Bonnici, iżda tul it-triq kollha li mit-tarzna tagħti għall-Belt Valletta.”
Waqt dan il-marċ sar ħbit fuq il-bini tal-Qorti fi Triq ir-Repubblika u wara fuq il-bini tal-Kurja fil-Furjana. X’kienu, iżda, iċ-ċirkostanzi li ħolqu din il-ġrajja? Kif seħħet, u x’kienu r-riżultati tagħha?
Fil-qasam tal-edukazzjoni l-Gvern ta’ Mintoff minn dejjem kien jemmen li t-tagħlim għandu jkun provdut b’xejn għal kulħadd. Dan sabiex ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn tfal minn familji li ma jifilħux iħallsu u oħrajn minn familji li jifilħu, kif ukoll biex is-soċjetà tikkultiva l-potenzjal kollu tal-istudenti kollha u b’hekk, fit-tul, l-istess soċjetà tirbaħ mill-investiment li tkun għamlet fil-ħiliet tal-istudenti. Il-Gvern Laburista kien diġà daħħal l-iskema ta’ student-ħaddiem fl-Università biex l-ebda student ma jaqta’ lura milli jistudja minħabba nuqqas ta’ mezzi finanzjarji. Permezz ta’ din l-iskema l-istudenti kienu jaħdmu fix-xhur tas-sajf u jitħallsu nofs paga matul is-sena kollha.
Kmieni fit-tmeninijiet Mintoff kien beda diskussjonijiet mal-Knisja biex l-iskejjel tagħha, li kienu bil-ħlas, isiru bla ħlas u jkunu miftuħa għal kulħadd. Ried li l-Knisja tibqa’ tmexxi l-iskejjel tagħha mill-fondi tagħha stess u f’każ li ma tlaħħaqx mal-ispiża, jagħmel tajjeb il-gvern mill-fondi tal-istat. Il-Knisja opponiet din ir-riforma bil-qawwa kollha. Riedet li tibqa’ tmexxi l-iskejjel fuq bażi kummerċjali, iżżomm il-ħlas għat-tagħlim, tiddeċiedi hija kemm ikun il-ħlas, kif ukoll iżżomm f’idejha l-għażla tal-istudenti. F’din l-oppożizzjoni l-Knisja kellha l-appoġġ tal- forzi konservattivi, inkluż tal-Partit Nazzjonalista u tal-media tal-lemin.
Il-kwistjoni kompliet ħraxet fl-4 ta’ Awwissu 1984 meta l-Kurja ħarġet stqarrija fejn iddikjarat kategorikament li mhux se taċċetta l-kundizzjonijiet tal-Gvern u li xorta se tiftaħ l-iskejjel ix-xahar ta’ wara, anki mingħajr il-liċenzja mitluba mil-liġi. Il-Kurja appellat ukoll biex il-ġenituri jagħtu l-appoġġ tagħhom f’din l-azzjoni. Fil-prattika din kienet sejħa biex ir-riformi tal-Gvern jiġu mkissra b’mezzi kotrana, fit-toroq u illegali.1
Din is-sejħa żiedet bil-bosta t-tensjoni li diġà kienet qed taħkem il-pajjiż. Permezz ta’ din is-sejħa l-Kurja stiednet hija stess fuqha nnifisha l-ġrajjiet li seħħew wara.
Fl-arena tal-battalja issa kien hemm il-Gvern, li kien ordna li mit-Tnejn 1 ta’ Ottubru t-tmien skejjel tal-Knisja ma jinfetħux, u fuq in-naħa l-oħra kien hemm il-Knisja li ma kinitx lesta li taċċetta dan u lanqas ma kienet lesta li tagħti garanzija li t-Tnejn ma tiksirx il-liġi. Il-Knisja kellha diversi forzi warajha. Mill-banda l-oħra l-Laburisti u ħafna ħaddiema li ma setgħux faċilment iħallsu għall-edukazzjoni ta’ wliedhom kienu rrabjati u lesti jappoġġjaw bis-sħiħ lill-Gvern Laburista. Kien hemm għajdut persistenti li l-ġenituri xorta qegħdin jiġu mitluba jieħdu t-tfal l-iskejjel tal-Knisja u anki jpoġġuhom quddiem f’każ li jinqala’l-inkwiet.
Kienet ħaġa ċerta li t-Tnejn filgħodu, l-1 t’Ottubru, Malta se tgħaddi minn inkwiet ċivili.
Kont miftiehem ma’ Karmenu Mifsud Bonnici, dak iż-żmien Deputat Prim Ministru, li l-Ġimgœa 28 ta’ Settembru hu jiġi fil-bieb t’Għajn Dwieli t-tarzna fis-sebgħa u kwart ta’ filgħodu. Huwa wasal eżatt fil-ħin. Ilqajnieh jien, Alfred Micallef “il-Mickey” u Joe Ebejer “il-Moru”. Imxejna flimkien lejn l-isteelshops. Kif dħalna, Ebejer għajjat darbtejn,
“Ejja ħa mmorru! Ejja ħa mmorru!” Fit-tarzna din kienet l-għajta biex il-ħaddiema jinġemgħu għal xi azzjoni – l-għajta tal-battalja. Fi ftit sekondi konna mdawrin bil-ħaddiema, fosthom Joe Buttigieg. Imxejna lejn il-baċir numru tnejn, il-ġemgħa tikber ma’ kull pass li nagħmlu. Dorna lura, għaddejna minn fuq il-kxaxen tal-baċiri numru erbgħa u numru ħamsa u wasalna fejn il-Machine Shop fit-tmienja. Tlajna fuq trailer li kellna għal-lest biex Karmenu Mifsud Bonnici jkellem lill-ħaddiema, li issa bl-eluf kienu qed jimlew il-wesgħa kollha ta’ bejn il-Machine Shop u l-baċir numru ħamsa. Fuq it-trailer telgħu wkoll diversi uffiċjali tal-GWU u tal-Kunsill tat-Tarzna, inkluż Lewis Spiteri, Ġorġ Zahra, Lino Gatt, Toni Busuttil, Charlie Cassar u Fonzu Meli.
Ftaħt il-meeting jien billi fi ftit minuti ħeġġiġt lill-ħaddiema biex inkunu ħaġa waħda f’din it-taqbida għax l-edukazzjoni hija dritt naturali ta’ kulħadd.
Imbagħad Karmenu Mifsud Bonnici għamel diskors mill-aktar imqanqal li kixef, jekk qatt kien hemm bżonn, kemm ruħu hija mal-ħaddiem u maż-żgħir, kif ukoll kemm l-aktar li jħossu komdu huwa mal-kotra tal-ħaddiema militanti.
Fost kollox huwa spjega illi l-Arċisqof ma riedx jagħti kelma illi t-Tnejn ta’ wara jimxi mal-liġi u ma jiftaħx l-skejjel mingħajr permess. Qal ukoll li jekk il-klassi tal-ħaddiema taċċetta dan, allura tista’ titlef il-kisbiet kollha li għamlet tul is-snin.
Huwa kompla:
“Issa dak li missirijietkom, ħutkom u intom irbaħtu b’mezz demokratiku, mhu se nċeduh lil ħadd. Żgur li mhux se nċeduh billi nħallu lil ħaddieħor jieħdu bil-forza għax il-forza tagħna hija akbar minn tagħhom.”
“Dawk li mhumiex tal-klassi tagħkom ma jridux ’l uliedhom jitħalltu mat-tfal tagħkom u din hija l-ġlieda kollha. Ma jridux li wliedkom ikollhom l-istess opportunitajiet li għandhom uliedhom fit-tagħlim. Aħna rridu li
min ma jiflaħx iħallas ikollu l-istess opportunitajiet daqs dawk li jifilħu jħallsu għat-tagħlim.”
“Meta intom il-ħaddiema tat-tarzna kontu tajtu bħala rigal lill-Mexxej tagħna lkoll Duminku Mintoff qanpiena, huwa kien qalilkom li jekk ikun hemm il-bżonn idoqqhielkom il-qanpiena u tmorru tiġru warajh. Jekk nhar it-Tnejn jippruvaw jaslu biex jiksru l-liġi bil-barka ta’ Mercieca, aħna biex niddefendu l-liġi jkollna l-barka tal-Papa. Bil-barka ta’ wieħed jew tal-ieħor, il-liġi niddefenduha żgur, aktar u aktar bil-barka tagħkom, il-fjur u l-ward tal-ħaddiema Maltin.” 2
Karmenu Mifsud Bonnici, iżda, ma kellu l-ebda ħjiel li l-ħaddiema tat-tarzna mhux se joqogħdu jistennew il-qanpiena ddoqq u allura jismagħha wkoll l-għadu u jkun għal-lest. Huwa ma kellu l-ebda ħjiel li l-ħaddiema se jimmarċjaw. Konna biss grupp żgħir ta’ ħaddiema li konna għal-lest mill-jum ta’ qabel biex immexxu lill-ħaddiema u ħejjejna l-ħtiġijiet għal dan il-marċ. Is-sorpriża kienet il-bżonn ewlieni biex il-marċ jirnexxi. Fl-istess waqt konna ċerti li fiċ-ċirkostanzi ta’ tensjoni kbira li kien għaddej minnha l-pajjiż, l-ispontanjetà tal-ħaddiema ma tonqosx.

minn Għajn Dwieli.
Waqt id-diskors tiegħu, f’mumenti meta l-ħaddiema ċapċpu, darbtejn għedt lil Karmenu Mifsud Bonnici minn taħt l-ilsien, “Dott, xi ħaddiema qed jgħidu li minn hawn għall-Belt,” u d-darbtejn hu minn taħt l-ilsien qalli, “Sammy, minn hawn għall-uffiċċju tiegħek.”
Immedjatament kif spiċċa jitkellem Karmenu Mifsud Bonnici, il-kotra splodiet bħal bomba. Mewġa wara mewġa ta’ ħaddiema lebsin il-boilersuit jew ħwejjeġ oħra tax-xogħol bdiet tiġri ’lbarra mit-tarzna, bil-mixi jew bil-vetturi. Il-bnadar ħomor kienu jittajru kullimkien. Ma baqax mexxejja u min jitmexxa. Il-mument kien tal-anarkija u tal-ispontanjetà tal-kotra. L-enerġija li rajt b’għajnejja dak il-ħin ma tinħoloqx minn xi kmand, iżda tinħoloq minn dak li tħoss il-kotra meta tifhem li qed tiġi ddegradata.

“il-Guggu” miexi maġenbu. Joe Ebejer “il-Moru” jidher quddiem fuq ix-
xellug.
Tlajna t-telgħa ta’ Għajn Dwieli, għaddejna minn Raħal Ġdid u l-Marsa fejn ingħaqdu magħna l-ħaddiema tal-Marsa Shipyard. Il-kotra kompliet tikber mhux biss fid-daqs iżda wkoll fid-determinazzjoni li turi li taf x’inhuma d-drittijiet tagħha u taf ukoll kif għandha tasal għalihom. Għaddejna minn Triq Diċembru 13 għal Triq Sant’ Anna l-Furjana fejn ħafna nies urew l-appoġġ tagħhom lejna. Dħalna l-Belt minn Putirjal għal Triq ir-Repubblika. Quddiem il-bini tal-Qorti nqalgħu xi inċidenti żgħar ta’ tkissir. Il-Qorti kien magħluq, bħalma kienu magħluqin l-istabbilimenti tan-negozji. Ksirna mal-bini tal-Palazz għal Strada Merkanti u mbagħad għal Kastilja fejn Karmenu Mifsud Bonnici, li kien riekeb fuq vettura, niżel u qal lill-ħaddiema li d-dimostrazzjoni spiċċat u kulħadd għandu jmur lura għat-tarzna.

Inżilna Triq Girolamo Cassar għall-Furjana. Hawnhekk il-kotra nqasmet. Grupp ta’ xi mijiet ta’ ħaddiema nqatgħu mill-kumplament tad-dimostrazzjoni u qasmu lejn id-direzzjoni tal-Kurja. Minn kif ħriġna mit-tarzna sa dan il-mument kont dejjem bil-mixi fuq quddiem nett tad-dimostrazzjoni. Issa ma bqajtx quddiem iżda xorta ħassejt li aħjar immur wara dan il-grupp għal li jista’ jinqala’. Kif dan il-grupp wasal quddiem il-Kurja, il-ħaddiema bdew jipprotestaw billi jgħajtu kontra l-atteġġjament tal-kapijiet tal-Knisja f’din il-kwistjoni u sar xi garar ta’ ġebel lejn il-bieb ewlieni tal-Kurja. F’ħin minnhom numru żgħir ta’ ħaddiema, madwar 30 ruħ kollox, irnexxielhom jidħlu minn bieb fil-ġenb, fejn f’temp qasir ta’ madwar 15-il minuta saret ħsara f’diversi partijiet ta’ ġewwa l-Kurja.
L-effett tal-qilla tad-dimostrazzjoni nħass mill-ewwel.
Sigħat biss wara, filgħaxija, f’laqgħa bejn il-Gvern u l-Knisja, l-Arċisqof aċċetta li t-Tnejn filgħodu ma jiftaħx l-iskejjel. Fl-istess waqt il-Gvern ikkundanna t-tkissir fil-bini tal-Kurja. Ironikament, iżda, l-inkwiet ċivili li żgur kien se jinħoloq it-Tnejn filgħodu kien ġie evitat bil-militanza tal-ħaddiema tat-tarzna! Immedjatament tkomplew ukoll id-diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat. Wara ftit jiem intlaħaq ftehim proviżorju bejn il-Gvern u l-Knisja li jibda proċess gradwali biex l-iskejjel tal-Knisja jkunu b’xejn u miftuħin għal kulħadd.
Din il-ġrajja kixfet ukoll fejn kien qed iħabbat il-polz tal-poplu fuq din il-kwistjoni. Il-fehma tal-poplu kif murija kellha wkoll l-effett fuq il-mexxejja tal-Knisja u tal-Partit Nazzjonalista li issa jridu jinsew l-idea ta’ skejjel elitisti. Fil-fatt meta Eddie Fenech Adami rebaħ il-gvern fl-1987 ma marx lura għas-sistema ta’ qabel. Minflok, huwa reġa’ nnegozja l-ftehim mal-Knisja b’mod li kompla sostna li l-iskejjel jibqgħu bla ħlas u aċċessibbli għat-tfal kollha, il-Knisja għaddiet il-proprjetà tagħha lill-gvern, barra xiartijiet li kienu bżonjużi għaliha, u l-gvern min-naħa tiegħu kkumpensa lill-Knisja permezz ta’ bonds u ntrabat li joħroġ il-pagi tal-għalliema.
Kull xogħol huwa prodott soċjali għax ħadd ma jagħmel xejn waħdu. Anki biex jiġma’ l-għerf, il-bniedem jibni matul is-sekli minn wieħed għall-ieħor, minn ġenerazzjoni għall-oħra, minn kultura għall-oħra, minn art għall-oħra. Għalhekk ħadd ma jista’ jgħid li dak li jaf wasal għalih waħdu. Newton ma kienx qed ikun umli meta kiteb, “If I have seen further it is by standing on ye sholders of Giants.”3 Għalhekk ħadd m’għandu dritt iwassal l-għerf lil għajru b’mezzi kummerċjali flok b’mezzi soċjali.
- it-Torċa, 5 ta’ Awwissu, 1984
- l-orizzont, 29 ta’ Settembru, 1984
- Minn ittra ta’ Isaac Newton lil Robert Hooke fl-1676. L-ortografija hija l-oriġ
Newton seta’ jasal għall-iskoperti għax bena fuq ix-xogħol li wettqu qablu Nicolaus
Copernicus, Johannes Kepler u Galileo Galilei.