Il-popli kollha tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-unions, issa ilhom is-snin jipprotestaw kontra in-negozjati sigrieti li l-kbarat tal-UE qedin jagħmlu mal-gvern tal-Istati Uniti u mal-korporazzjonijiet kbar privati Amerikani biex jidħol fis-seħħ it-TTIP (Transatlantic Trade and Investment Partnership). Il-protesti seħħew għaliex b’dan il-ftehim, jekk jidħol fis-seħħ, is-sevizzi tas-saħħa, tal-edukazzjoni, trasport pubbliku, ilma, posta, u oħrajn iridu jiġu kollha privatizzati; il-banek privati ma jkunux jistgħu jiġu regolati mill-gvernijiet; jonqos il-livell tas-safety; tonqos il-protezzjoni tal-ambjent; u jkomplu jonqsu id-drittijiet tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol.
Fuq kollox, imbagħad, il-gvernijiet eletti demokratikament mill-popli tal-Unjoni Ewropea jitilfu id-dritt li jgħaddu liġijiet li jipproteġu lill-popli jekk dawn il-liġijiet inaqqsu xi profitti tal-korporazzjonijiet privati.
Dan l-aħħar iżda anke politiċi prominenti qedin jopponu it-TTIP u ftehimijiet oħra bħalu. Fl-Istati Uniti ż-żewġ kontestanti ewlenin għall-elezzjoni ta’ President, Hillary Clinton u Donald Trump, it-tnejn qedin jaqblu li dawn it-trade deals li saru fil-passat fallew u flok ħolqu l-ġid ġabu ħafna qagħad. Kemm Clinton kif ukoll Trump huma issa iddikjarati pubblikament li se jopponu it-TTIP.
L-oppożżizzjoni qedha tikber ukoll fl-Ewropa. Riċenti il-ministru tal-ekonomija Ġermaniż, Sigmar Gabriel, stqarr li t-TTIP diġa falla qabel ma nbeda, għax wara snin ta’ negozjar għad lanqas hemm qbil dwar kapitlu wieħed mit-trattat kollu. Il-ministru Franċiż Matthias Fekl appella pubblikament biex id-diskussjonijiet dwaru jieqfu għax mhu se jwasslu għal xejn.
Iżda għalkemm kulħadd huwa kontra it-TTIP, Merkel, Juncker u kbarat oħra tal-UE xorta jridu jibqgħu għaddejin bih avolja huwa ftehim anti-demokratiku, anti-soċjali, u fallut ekonomikament. Ma’ Merkel u ma’ Juncker jaqblu wkoll il-parlamentari Maltin għax sal-lum dejjem appoġġjaw dan il-ftehim.