Ktieb b’rabta ma Karmenu Mifsud Bonnici u Dom Mintoff

Illum l-20 ta’ Awwissu, l-anniversarju mill-mewt ta’ Dom Mintoff, ġie mniedi ktieb li għandu rabta kemm ma’ dan, il-persunaġġ, imma aktar u aktar mas-suċċessur tiegħu bħala Prim Ministru u mexxej tal-Partit Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici. Il-ktieb, miktub minn xi ħadd li kien qrib tat-tnejn Sammy Meilaq, jismu L-Aħħar Testment ta’ Karmenu Mifsud Bonnici – Dnubiet u Profeziji. Fid-deher il-ktieb hu rakkont tal-ġrajjiet tal-grupp li fil-bidu tas-seklu 21 kienu jimmiltaw fih it-tlett persunaġġi msemmija, il-Front Maltin Inqumu. Madankollu, il-ktieb mhux sempliċi tfakkira ta’ dak li ġara. Fil-biċċa l-kbira tiegħu hu diskussjoni ta’ temi li huma attwalissimi bħad-direzzjoni li qed tieħu l-Unjoni Ewropea, ir-rwol ta’ Malta f’din l-għaqda ta’ nazzjonijiet, il-gwerrer u l-militariżmu, u l-qagħda taż-żewġ partiti ewlenin f’Malta bħalissa. It-temi huma trattati minn Meilaq, fid-dawl tal-ideat u l-valuri ta’ Karmenu Mifsud Bonnici kif interpretat minnhu.

            Rigward l-Unjoni Ewropea, il-ktieb jagħmel tlett akkużi ewlenin; li din l-istituzzjoni qed issir dejjem aktar ċentraliżatta u anqas demokratika, li l-Unjoni Ewropea warrbet l-ideal tal-ħidma għall-paċi li kellhom il-fundaturi tagħha u minflok trid issir blokk militari, u li Brussell tadotta u timponi policies ekonomiċi Neo-liberali li qatlu kull ruħ soċjali li din l-għaqda setgħha kellha, u qed iżidu l-miżerja fost il-foqra, u jagħmlu lis-sinjuri aktar għonja.

            Dwar Malta u l-UE, Meilaq jitkellem fuq il-ftehim ħażin li bih Malta daħlet f’din l-għaqda ta’ nazzjonijiet; li l-ftehim kellu u ser ikollu riperkussjonijiet tul iż-żmien. Jgħid ukoll li r-rwol li Malta lagħbet f’din l-għaqda tul dawn l-għoxrin sena li ilha membru ma tantx kien ta’ ġieħ, għax m’għamlet xejn biex twiddeb dwar u twaqqaf id-dnubiet li Brussell qed tagħmel.

            Dwar il-qagħda taż-żewġ partiti f’Malta, Meilaq jikkritka l-Partit Nazzjoanlista fost l-oħrajn minħabba l-mod li bih daħħal lil Malta fl-UE, u ċerti deċiżjonijiet li kienu saru wara, bħall-appoġġ lill-Franza, r-Renju Unit u l-Istati Uniti meta dawn kienu attakkaw lil Gaddafi. Meilaq hu kritiku wkoll dwar il-Partit Laburista, fejn jgħid li waqt li dan il-partit kellu argumenti sodi qabel Malta daħlet membru tal-Unjoni Ewropea, biż-żmien inġarr mill-kurrent ta’ Brussell u ta’ dawk li għandhom setgħa ekonomika f’pajjiżna.

            Il-ktieb jitkellem ukoll fuq bosta temi oħra barra minn dawn. Jinkludi wkoll dak li jista’ jitqies bħala l-aħħar intervent pubbliku ta’ Karmenu Mifsud Bonnici, ‘Kelmtejn ta’ Qabel’ li kien kiteb propju ftit ġimgħat qabel ħalla din id-dinja. F’din il-kitba Karmenu jitratta diversi temi, fosthom il-gwerra tal-Ukrajna. Waqt li jikkundanna l-aggressjoni Russa, Mifsud Bonnici jikkritika l-attitudni tal-Unjoni Ewropea, u ta’ dawk li suppost qed imexxu lil din l-għaqda ta’ nazzjonijiet (fosthom Roberta Metsola) li donnhom aktar moħħhom f’li jitfgħu porvli fin-nar, milli jaħdmu ħalli tintlaħaq paċi ġusta. Il-ktieb jinkludi wkoll epilogu ta’ Michael Grech, li janalizza b’mod kritiku il-kitba tal-istess Meilaq.

            L-Aħħar Testment ta’ Karmenu Mifsud Bonnici – Dnubiet u Profeziji għandu jinteressa mhux biss lil min jaqbel ma’ Mifsud Bonnici u ma’ Sammy Meilaq fl-ideat tagħhom dwar l-Unjoni Ewropea u r-rwol ta’ Malta f’din l-għaqda ta’ nazzjonijiet. Għandu jinteressa wkoll lil kull min hu interessat fil-proġett Ewropew u jemmen li Malta posta hi f’din l-Unjoni, jew tinterssah analiżi xellugija tal-qagħda lokali u internazzjonali. Il-ktieb ser ikun għall-bejħ minn għand il-librara ewlenin. Min jixtieq aktar informazzjoni jista` jikkuntatja lil Sammy Meilaq fuq sammymeilaq@gmail.com.