Kontra ix-xogħol prekarju

Ix-xogħol prekarju huwa dak l-impjieg li m’huwiex tal-fiss imma huwa bil-kuntratt ta’ żmien definit, per eżempju, tul ta’ xi xhur. Imbagħad wara jkun jista’ jiġi mġedded jekk is-sid ikun irid. Dan it-tip ta’ xogħol idgħajjef għal kollox lill-ħaddiema għax ftit li xejn iħalli lill-ħaddiema jingħaqdu f’xi union. Jiġri allura li mbagħad fejn ix-xogħol huwa prekarju u l-ħaddiem bla union, jonqsu l-pagi u l-kundizzjonijiet tal-impjieg.

Dan l-aħħar il-General Workers Union għamlet żewġ talbiet lill-Gvern Laburista biex tittaffa xi ftit din l-inġustizzja. L-ewwel waħda hija li l-proċedura tal-“first in last out” issir obbligatorja bil-liġi. Dan ikun ifisser li meta impjegat jispiċċalu iż-żmien tal-kuntratt, jekk is-sid ma jżommux u jibgħatu l-barra, allura is-sid, jekk u meta jkollu bżonn jimpjega fl-istess kariga, is-sid ikun obbligat li l-ewwel jerġa jibgħat għal dak il-ħaddiem li jkun ġie mwaqqaf mix-xogħol. Din il-proċedura għandha vantaġġi kemm għall-ħaddiem, għax dejjem iżżid xi ftit id-dritt għal xogħol fiss, kif ukoll għas-sid għax ikun jaf li se jerġa jdaħħal ħaddiem li jaf ix-xogħol. Barra minn hekk taqta’ l-abbuż minn xi sidien li jwaqqfu l-ħaddiema mix-xogħol biex idaħħlu oħrajn flokhom iżda bi tnaqqis fil-pagi u kundizzjonijiet tax-xogħol oħra.

Il-proposta l-oħra tal-General Workers Union hija biex il-gvern jirregola l-impjiegi tal-immigranti li jinġabru kull filgħodu fil-Marsa u f’Ħal Far jittallbu ix-xogħol. Din hija sitwazzjoni immorali minnha nniffisa. Hija wkoll ta’ dannu mhux biss għall-immigranti imma wkoll għall-ħaddiema Maltin għaliex meta dawn l-immigranti jittħaddmu b’pagi baxxi anke l-ħaddiema Maltin tonqsilhom is-saħħa li jitolbu pagi aħjar.

Il-gvern laburista għandu l-obbligu li jattwa dawn iż-żewġ proposti tal-GWU malajr kemm jista’ jkun. Diġa qedgħin f’sitwazzjoni fejn ix-xogħol prekarju imponut mis-sidien ħaġġar bil-kbir lill-klassi tal-ħaddiema f’Malta. B’dawn iż-żewġ proposti mhux se jispiċċa ix-xogħol prekarju imma għal lanqas jittaffa xi ftit.