Iż-żgħar kollha ma daħlux fl-Unjoni Ewropea.

 

Malta mhix l-uniku pajjiż żgħir fl-Ewropa. Andorra, San Marino, Liechtenstein, Monaco u l-Isle of Man huma kollha pajjiżi żgħar. Dawn il-pajjiżi kollha huma indipendenti, u jmexxu lilhom infushom għax ma daħlux fl-Unjoni Ewropea. Malta biss, minn fost il-pajjiżi żgħar, tilfet il-ħelsien tagħha billi daħlet fl-Unjoni Ewropea. (Dan apparti l-Vatikan li huwa żgħir ukoll imma għandu raġunijiet reliġjużi addizzjonali li jżommuh milli jidħol fl-Unjoni Ewropea).

Andorra, li tinsab bejn Spanja u Franza, hija ftit akbar minn Malta imma l-popolazzjoni hija 85,000. Għalkemm poplu iżgħar minna Andorra hija ħielsa u titmexxa minn parlament elett kull 4 snin. Mhix membru tal-Unjoni Ewropea imma tant għanda relazzjonijiet tajbin mal-Unjoni Ewropea li għandha ftehim speċjali mal-Unjoni u anke tuża l-euro bħala l-munita tagħha. Il-prodott gross domestiku ras għal ras huwa ta’ $53,383 fis-sena.  Ta’ Malta huwa $24,297 fis-sena. (il-prodott gross domestiku huwa l-ammont ta’ kemm jipproduċi l-pajjiż).

Liechtenstein fih daqs nofs Malta imma huwa ħieles ukoll għax mhux membru fl-Unjoni Ewropea. Dan il-pajjiż, li jinsab bejn l-Awstrija u l-Iżvizzera, jitmexxa minn parlament elett u jlaħħaq prodott gross domestiku ras għal ras ta’ $143,150 fis-sena. Liechtanstein tant għandu relazzjonijiet tajbin mal-Unjoni Ewropea illi qiegħed fiż-żona Schengen kif ukoll fil-European Economic Area.

L-Isle of Man hija gżira indipendenti li tinsab fil-baħar bejn l-Ingilterra u l-Irlanda. Fiha kważi id-doppju ta’ Malta u l-popolazzjoni hija ta’ 85,000. La hija parti mir-Renju Unit u lanqas mill-Unjoni Ewropea, Din il-gżira titmexxa permezz ta’ parlament elett mill-poplu, għandha rabtiet mill-viċin mal-Ingilterra, u l-prodott gross domestiku huwa ta’ $53,800 fis-sena ras għal ras.

San Marino jinsab fin-naħa tal-kosta tal-lvant tal-Italja u huwa iżgħar minn Malta. Imma wkoll, għalkemm ma daħalx fl-Unjoni Ewropea, għandu l-aħjar relazzjonijiet mal-Unjoni tant li anke juża l-euro bħala munita. San Marino huwa ħieles, jitmexxa minn parlament elett, u jlaħħaq prodott gross domestiku ta’ $44,208 fis-sena ras għal ras.

Monaco, fuq il-kosta Franċiża tal-Mediterran, huwa l-iżgħar fost iż-żgħar għax fih biss 2.2 kilometri kwadri, iżda wkoll kien kapaċi jżomm il-ħelsien tiegħu! Monaco jitmexxa permess ta’ parlament elett kull 5 snin, għalkemm il-kap tal-istat, li huwa l-prinċep, għandu l-veto. Il-prodott gross domestiku huwa ta’ $78,000 fis-sena ras għal ras. Monaco tant għandu relazzjonijiet tajba mal-Unjoni Ewropea għalkemm mhux membru, illi juża l-euro u huwa membru fiż-Żona Schengen.

Dawn il-fatti juru illi:

(a) dawk il-mexxejja Maltin li qalu li Malta ma jistax ikollha ftehim speċjali mal-Unjoni Ewropea bla ma tidħol membru kienu qegħdin iqarrqu bil-poplu Malti.

(b) li kieku ma dħalniex fl-Unjoni Ewropea xorta waħda stajna nkabbru l-ekonomija ta’ pajjiżna, jekk mhux ukoll stajna nkabbruha aktar milli hija illum.

(c) il-pajjiżi iż-żgħar kollha, barra Malta, indunaw li jekk jidħlu membri fl-Unjoni Ewropea mhux se jaqsmu l-kmand, imma se jitilfuh għal kollox għax se jkunu l-pajjiżi l-kbar, speċjalment il-Ġermanja, li jiddominaw.

(d) il-pajjiżi żgħar kollha, barra Malta, irnexxielhom iżommu l-ħelsien waqt li xorta żammew relazzjonijiet mill-aħjar mal-Unjoni Ewropea bla ma sfaw iddominati minnha.

(e) Il-poplu Malti jaqbillu jaqbad it-triq li bassar il-Perit Mintoff, li jew nibdlu l-ftehim eżistenti biex nerġgħu niksbu l-ħelsien, inkella noħorġu mill-Unjoni Ewropea.

 

NOTA: Il-figuri tal-prodott gross domestiku huma meħudin mill-wikipedia.