Ix-Xogħol Prekarju, il-Penzjonijiet u l-foqra.

 

MINN SAMMY MEILAQ     PRESIDENT   FRONT MALTIN INQUMU

 

Il-politika ekonomika li tħaddan l-Unjoni Ewropea hija waħda li matul dawn l-aħħar għaxar snin kompliet żiedet ix-xogħol prekarju, il-qagħad u l-faqar, kif ukoll kompliet tgħolli l-eta tal-irtirar għall-penzjoni. Il-klassi tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea sofriet ħafna minħabba din il-politika ekonomika. Ħafna mit-tort ta’ dan jaqa’ fuq il-partiti laburisti li flok opponew lill-kbarat tal-Unjoni Ewropea kienu kompliċi magħhom biex wettqu aktar xogħol prekarju, għollew l-eta tal-penzjoni u naqqsu l-benefiċċji soċjali biex jiżdied il-faqar.

 

Iżda issa jidher li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea se jsibu min jiqfilhom. Wieħed kien jistenna li jkun xi gvern laburista li jagħmel hekk, iżda minflok se jkun il-gvern populista Taljan. Il-gvern Taljan, li huwa koalizzjoni tal-Lega u l-Movimento Cinque Stelle, diġa ħabbar li se jagħmel tlett riformi fl-Italja. Se jgħaddi liġijiet biex irażżan ix-xogħol prekarju u l-ħaddiema jkollom ix-xogħol aktar assigurat; se jerġa jniżżel l-eta tal-penzjoni għal li kienet qabel, wara li l-kbarat tal-Unjoni Ewropea kienu sfurzaw li din tittellgħa għall-eta ta’ 67 sena; u se jdaħħlu l-Basic Income, li hu benefiċċju ta’ flus lill-foqra u lill-dawk bla xogħol. Fl-Italja hemm 5 miljun jgħixu fil-faqar minn popolazzjoni ta’ 60 miljun u r-rata tal-qagħad ta’ madwar 11% u 12% issa ilha għal ħafna snin kontinwi.

 

Għalkemm il-qagħad, il-faqar u x-xogħol prekarju fl-Italja huma  kollha ikkaġunati mill-politika tal-Unjoni Ewropea, il-kbarat tal-Unjoni Ewropea żgur se joħduha kontra l-gvern Taljan. Żgur li se  jagħmlu minn kollox biex iżommuh milli jwettaq dawn il-bidliet. Għalhekk wieħed jistenna li fix-xhur li ġejjin tibda battalja bejn il-gvern Taljan u Brussles fuq dawn it-tlett riformi.  Għall-klassi tal-ħaddiema fl-Unjoni Ewropea din il-battalja se jkollha importanza kbira għax jekk tgħaddi tal-gvern Taljan il-ħaddiema fil-pajjiżi l-oħra tal-Unjoni Ewropea bla dubju jitolbu l-istess riformi. Iżda jekk jirbaħ Brussles jiġri l-kontra, u tkun disfatta kbira għall-ħaddiema fl-Ewropa kollha.

 

Dan ifisser li l-unions kollha u l-klassi tal-haddiema kollha fl-Unjoni Ewropea ghandhom jappoggjaw lill-gvern Taljan f’dawn ir-riformi.