Ittra lill-President bil-proposti dwar it-tibdil fil-Kostituzzjoni ta Malta mill-F.M.I

Il-Front Maltin Inqumu fit-8 ta’ Jannar, 2019, kiteb lill-Eċċellenza Tagħha Marie Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta, fejn ippreżenta l-proposti tal-Front Maltin Inqumu dwar it-tibdil fil-Kostituzzjoni ta Malta. L-ittra, iffirmata minn Karmenu Mifsud Bonnici, President Onorarju tal-Front Maltin Inqumu, u minn Sammy Meilaq, President, FMI, hija din:

H.E Marie-Louise Coleiro Preca, 

President of Malta,

The Palace,

Valletta.

28 ta’ November 2018

Qegħdin niktbulek għan-nom tal-Front Maltin Inqumu.

Il-Front huwa tal-fehma li jekk se jsiru emendi għall-Kostituzzjoni ta’ Malta għandhom jidħlu prinċipji li jsaħħu r-rieda ta’ pajjiżna għall-paċi fost il-ġnus, għal-ħarsien ta’ aktar ġustizzja soċjali u tad-drittijiet industrijali għall-ħaddiema.

Għal dan il-għan, il-Front qiegħed jipproponi għadd ta’ emedni għall-Kostituzzjoni, li inti qiegħda tippresedi.

Il-Front jitlob li jiddiskuti mal-Eċċelenza Tiegħek l-emendi proposti fid-dokument hawn mehmuż.

Nirringrazzjawk u nsellu għalik.

Karmenu Mifsud Bonnici                                                    Sammy Meilaq

President Onorarju Front Maltin Inqumu                          President Front Maltin Inqumu

Il-Kapitolu I (3) tal-Kostituzzjoni m’għandu jitnaqqasslu xejn għal dawn ir-raġunijiet –

  1. In-Newtralità u Non-Allenjament huma għażliet morali li jgħelbu kull kejl ieħor fil-Politika Barranija.
  • Mhux minnu li l-Gwerra Bierda spiċċat.
  • Fi kwalunkwe każ, anke kieku kien minnu li l-Gwerra Bierda spiċċat, dan ma kien ikun ifisser xejn, għax xorta waħda setgħet terġa tiġi fis-seħħ.
  • Il-Gwerrer qegħdin jiżdiedu, inkluż f’territorji qrib ta’ Malta.  L-armamenti wkoll qegħdin jiżdiedu, kemm fil-kwantita kif ukoll fis-saħħa tal-qirda li joħolqu. 1
  • Il-qagħda ta’ Malta bejn żewġ kulturi differenti li kemm il-darba tqabdu kontra xulxin, twissina biex inkunu għaqlin u nferrqu flok nieħdu naħa meta jinqala it-taqbid
  • Qrib tagħna fil-Lvant Nofsani, it-taqbid ilu għaddej bla waqfien ta’ xejn għal dawn l-aħħar 60 sena u ħadd ma jissogra jbassar li fis-60 sena li ġejjin dan ser jintemm.
  • Jekk inxaqilbu fuq in-naħa tan-NATO jew nissieħbu ma’ l-armata tal-Unjoni Ewropeja, inkunu qiegħdin nappoġġjaw il-kriminalità tal-gwerra, inkunu qegħdin nappoġġjaw militarment diversi reġimi dittatorjali, kif wkoll insiru mira leġittima għal forzi Iżlamici militanti li qegħdin f’konflitt mal-pajjiżi tan-NATO.2 3
  • Kull involviment militari bla bżonn ikompli jgħabbi lill-poplu Malti bi spejjeż żejda li jistgħu jintużaw għal skopijiet soċjali u kummerċjali.
  • Il-Politika tan-Newtralità u Non-Allenjament qdietna tajjeb ħafna u m`hemm l-ebda ħtieġa sabiex din tinbidel.  Dawk li jridu jibdlu din il-ġawra tal-Poplu Malti iridu jagħmlu hekk biss sabiex jaqdu lil dawk fl-Unjoni Ewropea li waqt li ma jridux gwerrer interni fl-Ewropa, jridu li l-Ewropa tkun lesta li tuża l-forza tal-armi biex tinvadi pajjiżi oħra u li tisfrutta s-superjorita` tal-armamenti biex tinponi r-rieda tagħha f’materji politiċi u ekonomiċi.

Kaptilu I tal-Kostituzzjoni għandu jiżdied hekk:

  1. Malta tintrabat li ma tieħux sehem jew toffri faċilitajiet biex iseħħ it-tortura fuq il-bnedmin. 4
  • Malta tintrabat li ma tieħux sehem jew toffri faċilitajiet biex iseħħ spjunaġġ minn forzi barranin, inkluż spjunaġġ permezz ta’ mezzi tat-teknoloġija tal-informatika.5
  • Malta tintrabat li taħdem attivament biex jiġu żarmati l-armamenti u l-Bażijiet Militari, speċjalment fir-Reġjun tal-Mediterran.
  • Malta tintrabat li taħdem biex l-Unjoni Ewropea taddotta Politika ta’ newtralità u  diżarm biex b’hekk issir Ewropa Sovrana u ma tibqax issefter lill-Istati Uniti li attwalment jikkmandaw fin-NATO.6

DRITTIJIET INDUSTRIJALI

  • Kulħadd għandu d-dritt għax-xogħol. Għalhekk l-istat huwa obbligat li jmexxi b’mod li joħloq u jara li jinħoloq ix-xogħol produttiv u dinjituż għal kulħadd.
  • Id-drittijiet industrijali ma jistgħux jiġu rrinunzjati.  Kull rinunzja hija legalment nulla.
  • Il-ġurnata tax-xogħol ma taqbiżx it-tmien sigħat u l-ġimgħa tax-xogħol ma taqbiżx l-40 siegħa.
  • L-istat għandu jistabilixxi paga minima nazzjonali.  L-istat għandu jara li din tilħaq il-livell ta` “living wage”.
  • L-istat għandu regolarment jirrevedi il-pagi kif wkoll il-penzjonijiet sabiex jirriflettu l-għoli tal-ħajja minn tal-anqas darba fis-sena.  Din iż-żieda għandha tkun ugwali għall-ħaddiema kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat u ma tkunx fuq bażi ta’ persentaġġ.
  • Id-dritt ta’ l-istrajk huwa meqjus bħal wieħed mid-drittijiet fundamentali umani, għaldaqstant il-ħaddiema kollha għandhom jkollhom d-dritt li jistrajkjaw, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis–settur privat. Iżda minħabba l-fatt li sallum l-istat għadu ma evolviex għal wieħed komunitarju, dan id-dritt ta’ l-istrajk ma jgħoddx għall-membri tal-Forzi Armati u taż-Żamma ta’ l-Ordni.
  • Dawn il-provizzjonijet kollha (soċjali u industrijali) għandhom jiġu infurzati f’kull qorti, u l-prinċipji mħaddna għandhom ikunu l-qafas fundamentali fil-governanza ta’ pajjiż. Għandha tkun ir-responsabilità ta’ l-istat sabiex japplika dawn il-prinċipji fit-tfassil tal-liġijiet.

DRITTIJIET SOĊJALI

Dawn id-drittijiet għandhom jidħlu fil-Kostituzzjoni –

IS-SAĦĦA PUBBLIKA

Is-saħħa pubblika hija dritt soċjali ewlieni. L-istat għandu jiggarantixxi servizz nazzjonali tas-saħħa pubblika li jkun provdut għal kulħadd b’xejn.

L-isptar Mater Dei, il-Kliniċi u l-faċilitajiet l-oħra tal-istat għas-saħħa pubblika ma jiġux privatizzati

L-istat għandu jirregola l-istituzzjonijiet tas-saħħa pubblika kollha, kemm dawk pubbliċi kif wkoll dawk privati.

L-EDUKAZZJONI

L-edukazzjoni hija dritt uman.  L-istat għandu joħloq u jipprovdi istituzzjonijiet għall-edukazzjoni b’xejn sal-livell terzjarju.

IT- TAXXA

It-taxxa għandha tinbena fuq il-prinċipju li min jiflaħ l-aktar, iħallas l-aktar u min jiflaħ l-anqas, iħallas l-anqas, jiġifieri fuq il-prinċipju ta` “Progressive Taxation”.

ID-DJAR

L-istat għandu l-obbligu li jara li kulħadd ikollu l-kenn.  Dan għandu jsir b’aċċertazzjoni li l-mottiv soċjali ikun parti integrali tal-“housing policy”.

REFERENCES

1 Irreferi għad-diversi rapport li kull sena jixxandru minn “Stockholm International Peace Research Institute”.

  • Irreferi għal artikli li ġejjin

 “Cambodia`s Empty Dock” miktub minn John Pilger f’The Guardian 21.02.2009

America Is the World Leader at Committing Supreme International Crimes” miktub minn Noam Chomsky f’Alternet 7July 2014

“A People’s History of the United States” Chaper 18 “The Impossible Victory : Vietnam” miktub minn Howard Zinn

  • L-Istati Uniti u n-NATO appoġjaw attivament il-ħolqien u ż-żamma ta’ diversi kolpi ta’ stat militari li kissru d-demokrazija u stabilixxew id-dittatura.  Dawn jinkludu –

IRAN                                1953 -1979

INDONESIA                    1965 – 1998

GREĊJA                          1967 – 1974

ĊILI                                   1972 – 1990

ARĠENTINA                   1976 – 1983

SALVADOR                    1979 – 1992

ALĠERIJA                       1991

ĦONDURAS                   2009

VENEZUELA                  2009(dan il-kolp ta’ stat falla)

F’dawn il-każijiet kollha il-popli għaddew minn każijiet ta’ tortura, qtil, ħabs u telfien ta’ drittijiet umani.  In-NATO għada sal-lum tappoġġja bis-sħiħ id-dittatorjati tal-Arabja Sawdita, il-Baħrejn u l-Emirati Arab Uniti.

  • Irreferi għar-rapporti –

Globalizing Torture” 05.02.2012 ta’ l-Open Society Justice Initiative (New York)

“Damning Verdict For Poland on CIA Jail” – The Guardian Weekly 01.08.14

“Rendition Flights Via Malta” miktub minn Daniel Mainwaring – Times of Malta 18.06.13

  • Irreferi għad-diversi rivelazzjonijiet imxandra minn Edward Snowden u oħrajn dwar in-“National Security Agency” ta’ l-Istati Uniti kif wkoll dwar il-“Government Communications Headquarters” (G.C.H.Q.) tar-Renju Unit
  • Irreferi għall-pubblikazzjoni “Mintoff Għada” miktub minn Karmenu Mifsud Bonnici u Sammy Meilaq, Appendiċi III.  Dan l-appendiċi jinkludi korrispondenza bejn Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici f’isem il-Front Maltin Inqumu ma’ Romano Prodi, li dak iż-żmien kien il-President tal-Kummissjoni Ewropea, u ma’ Pat Cox li dak iż-żmien kien President tal-Parlament Ewropew.  Din il-korrispondenza hija mifruxa mill-5 ta’ Novembru 2002 sas-17 ta’ Ġunju 2014.