Il-kbarat tal-Unjoni Ewropea dejjem mexxew politika li biha l-oqsma ekonomiċi l-aktar importanti fl-Ewropa ingħataw lill-korporazzjonijiet kbar privati. L-enerġija, il-banek, it-trasport, u l-industriji l-kbar li qabel kienu tal-poplu u immexxija mill-gvernijiet, il-biċċa l-kbira tagħhom illum ġew privatizzati. Dan kollhu sar u għadu jsir bl-iskuża tal-gidba li b’hekk kollox jimxi aħjar. Meta imbagħad ifalli xi bank jissussidjawh bi flus il-poplu.
Issa, wara li tista’ tgħid li ma fadalx iżjed x’jipprivatizzaw, se jimxu pass ieħor billi jipprivatizzaw id-demokrazija! Dan se jagħmluh permezz tal-ftehim Comprehensive Economic and Trade Agreement (CETA), bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada
Il-kbarat qedgħin jgħidu li dan hu ftehim se jkabbar il-kummerċ bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada għax permezz tiegħu se jittneħħew id-dazji fil-kummerċ bejn iż-żewġ naħat. Veru li id-dazji se jittneħħew, iżda veru wkoll li hemm ħafna aktar minn hekk f’dan il-ftehim, tant li qiegħed jitqies minn kulħadd li huwa wieħed politiku għax se jipprivatizza id-demokrazija parlamentari. Fil-fatt skond il-polls fl-istess Unjoni Ewropea, 97% tan-nies huma kontra dan il-ftehim. Iżda l-kbarat ma jimpurthomx minn-nies u se jibqu’ għaddejjin bih.
Il-mod kif huwa mibni l-ftehim CETA jiftaħ triq ċara biex issa anke is-servizzi pubbliċi l-aktar bżonjużi jingħataw lill-privat. Permezz ta’ dan il-ftehim il-korporazzjonijiet kbar privati ser ikollhom bieb miftuħ biex jingħataw l-oqsma tas-servizzi tas-saħħa, l-oqsma tal-edukazzjoni u servizzi oħra pubbliċi. Dan ikun ta’ dannu kbir għall-popli tal-Unjoni Ewropea għax imbagħad dawn is-servizzi jibdew jitmexxew bil-mira tal-profitt qabel kull mira soċjali oħra.
Iżda imbagħad il-ftehim CETA fih l-akbar dagħwa. Il-ftehim jorbot li jekk xi gvern fl-Unjoni Ewropea jgħaddi xi liġi, jew joħroġ xi ordni, li xi korporazzjoni privata jidrilha li din l-azzjoni tal-gvern tista’ tolqot ħażin il-profitti tagħha, allura din il-korporazzjoni privata tkun tista’ twaqqaf lill-gvern milli jieħu din l-azzjoni. U l-korporazzjoni tkun tista’ tagħmel dan mhux billi tieħu l-gvern quddiem il-qrati tal-pajjiż, iżda billi tressaq lill-gvern elett mill-poplu quddiem tribunal sigriet magħluq appossta mill-kbarat stess biex jara li l-profitti tal-korporazzjonijiet privati ma jitnaqqsux. Dawn it-tribunali sigrieti jittmexxew fil-magħluq bla ħadd ma jkun jaf x’inhu għaddej u id-deċiżjoni tagħhom ħadd ma jista’ jappella minnha.
Dan ikun ifisser li jekk per eżempju, gvern elett mill-poplu jgħolli l-paga minima nazzjonali, jekk jordna żieda fil-kontribuzzjoni soċjali mill-employers, jekk jirrestrinġi l-bejgħ ta’ xi prodott li huwa ta’ ħsara għas-saħħa jew għall-ambjent, jekk joħroġ regolamenti li jirregolaw il-ħidma tal-bankiera, eċċ, allura jista’ jitwaqqaf milli jieħu dawn il-miżuri ta’ ġid għall-poplu, bl-iskuża li jistgħu jonqsu l-profitti tal-korporazzjonijiet. Kuntrarju għal dan kollhu, skond dan il-ftehim il-gvernijiet eletti demokratikament m’għandhomx id-dritt li jopponu jew li jressqu l-qorti lil dawn il-korporazzjonijiet privati jekk dawn jieħdu xi azzjoni li tolqot ħażin id-drittijiet u l-għixien tal-poplu.
Dan il-ftehim CETA allura mhux ftehim kummerċjali iżda huwa ftehim politiku biex id-demokrazjia titpoġġa taħt il-kmand tal-korporazzjonijiet kbar privati kemm Ewropej kif ukoll Kanadiżi. Dan il-ftehim se jolqot ukoll lil Malta għax il-parlament ta’ Malta, magħmul miż-żewġ partiti ewlenin, aċċetta li Malta tkun parti minnhu. Il-parlament daħħal lil poplu Malti f’dan il-ftehim bla ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-poplu u bla ma għandu mandat mill-poplu biex jagħmel hekk.