Iridu jipprivatizzaw il-Parlament

ttip-signituresIl-popli kollha tal-Unjoni Ewropea huma kontra li l-Ewropa tidħol fil-ftehim mal-Istati Uniti magħruf bħala TTIP (Transatlantic Trade and Investment Partnership). Dan il-ftehim, li taparsi se jżid il-kummerċ bejn l-UE u l-Istati Uniti, attwalment għandu l-mira ewlenija tiegħu li jipprivatizza id-demokrazija parlamentari.

Tant mhux minnu li dan il-ftehim, jekk iseħħ, se jżid il-kummerċ, illi skond l-istess proponenti tiegħu, kieku jidħol fis-seħħ mistenni li jżid il-prodott gross domestiku b’0.1% biss fuq perjodu ta’ għaxar snin! Mill-banda l-oħra dan il-ftehim jagħti id-dritt lill-korporazzjonijiet kbar privati li jwaqqfu lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-UE milli jgħaddu liġijiet soċjali li huma jidrilhom li jistgħu jnaqqsu l-profitti li l-korporazzjonijiet kbar privati jkunu qedin jippretendu li għandhom jagħmlu.

Barra minn hekk b’dan il-ftehim il-gvernijiet ikollhom jipprivatizzaw is-servizzi pubbliċi, bħal l-edukazzjoni u is-saħħa; jwaqqaf lill-gvernijiet milli jirregolaw lill-banek; u jnaqqas id-drittijiet tal-ħaddiema u tal-unions. Mhux ta’ b’xejn li l-kbarat tal-UE mexxew id-diskussjonijiet mal-gvern Amerikan bil-moħbi, tant li l-popli tal-pajjiżi tal-UE saru jafu b’dan kollu mill-leakages! U mhux ta’ b’xejn li fl-ibliet il-kbar tal-Ewropa qed ikun hemm protesti wara protesti kontra it-TTIP.

Iżda l-kbarat mhux-eletti tal-UE lanqas ħaġa li jimpurthom minnha hija id-demokrazija. Għalkemm jafu li kullħadd huwa kontra it-TTIP xorta waħda għadhom kif bagħtu delegazzjoni għola, magħmula minn 90 uffiċjal, biex mit-Tnejn 3 ta’ Ottubru jkomplu jiddiskutu mal-gvern Amerikan kif se jaslu għal ftehim.