Intervisti: L-Imblokk tal-Ark Royal

Dawn l-intervisti kienu ġew imxandra fil-ġurnal it-torċa f’ Ġunju tal-2019. Hawn il-Front Maltin Inqumu qiegħed jerġa jxandar din il-ġrajja minn lenti t’ erba’ protagonisti tal-imblokk li jagħtu rakkont l-aktar awtentiku. Dan l-imblokk kien ġrajja importanti għax kien wirja favur in-Newtralita, wirja ta’ kemm hija effettiva l-azzjoni diretta tal-kotra, u wirja ta’ kemm għandu saħħa l-ħaddiem meta jkun magħqud.

Freddie Micallef

Dak ż-żmien kont membru fil-kunsill tat-tarzna u dak inhar ħassejt li għandi inħeġġeġ lil sħabi ħaddiema sabiex jieħdu sehem attiv fil-protesta anti nukleari sabiex nuru d-dinja li Malta hija kontra l-armi qerrieda tal-massa u li nuru kemm hija importanti li Malta tibqa’ newtrali.

Is-suċċess kien wieħed kolossali għaliex il-ħaddiema tat-tarznari u ħaddiema oħra ħadu sehem bil-kbir biex b’hekk l-għan tal-protesta intlaħaq billi il-vapuri tal-gwerra Ingliżi baqaw ma daħlux fil-port.

Ftit jiem qabel seħħet din il-ġrajja storika għadni niftakar li konna iltqajna malajr Sammy Meilaq, Toni Coliero. Joe Sapiano, Ġużeppi Camilleri u jien sabiex niddiskutu kif ħa nimblukkaw il-port u dak n-nhar ftehmna li kien hemm soluzzjoni waħda sabiex dil-biċċa xogħol tirnexxi u kulħadd qabel li għanda naħtfu il-vapur Copper Mountain u nieħduh fil-bokka tal-port. Naturalment din kienet biċċa xogħol li kien fiha ħafna ħsieb.Ta’ min wieħed isemmi li dan il-vapur kien ilu laid up fit-tarzna minħabba li s-sid il-vapur kien falla. Konna ftehmna ukoll li kull wieħed minnha jaħdem fuq strateġija kif tista’ issir din l-operazzjoni billi niltaqaw ma’ numru ta’ ħaddiema sabiex inkunu ċerti li din l-operazzjoni tista’ titwettaq.

L-għada ta’ din il-laqgħa konna konvinti li nistaw naħdmu.

Niftakar ukoll li kien sar meeting għal ħaddiema tat-tarzna fil-ħin tal-break u fost oħrajn kien tkellem Dr.Karmenu Mifsud Bonnici li kien il-kap tal-oppożizzjoni. Dan il-meeting kien sar ġurnata qabel kienet dieħla l-Ark Royal fil-port.

Kif spiċċa il-meeting Sammy Meilaq u aħna li konna viċin tiegħu bdejna navżaw il-ħaddiema sabiex jiġu warajna. Peress li aħna konna żammejna kollox mistur il-ħaddiema kienu sorpriżi imma l-maġġoranza ġew warajna.

Biex ma nntawwalx tlaqna għal Kordin fejn kien hemm il-Copper Mountain u bdejna tilgħin fuqu fosta għajjat u ċapċip. Kien dak il-ħin li l-ħaddiema induna x’ser jiġri.

Kif wasalna bil-vapur fil-bokka tal-port tfajna l-ankri tiegħu u permezz tat-tug boats li kienu ukoll inħattfu mill-ħaddiema irbatna l-poppa taħt Sant’ Iermu il-belt u nistgħu ngħidu li l-operazzjoni kienet suċċess.

L-għada l-Forzi Armati kien irnexxilom iwarrbu l-vapur mill-bokka tal-port u b’ hekk l-Ark Royal setgħet  tidħoll faċilment. Meta rajna b’dan kollhu riedna nagħmlu xi ħaġa oħra ħalli l-port jibqa’ imblukkat.

Kien il-Ġimgħa 22 ta’ Ġunju u kien sar meeting mill-Partit Laburista u l-GWU fejn dak il-ħin riedna nagħmlu xi ħaġa oħra sabiex nerġaw nimblukkaw il-port. Niftakar konna ‘ltqajna l-belt u ftehmna biex s-Sibt inqumu kmieni u immorru il-Ponta tal-Isla. Hemmhekk kien hemm vapur ieħor marbut li stajna nużawh u hekk sar. Mijiet ta’ ħaddiema morna il-ponta tal-Isla u malli tawna s-sinjal neħħejna ċ-ċimi tal-poppa u ħallejnih marbut mill- pruwa. Peress li kien riħ lvant il-vapur inqala’ min mal-moll u ħareġ għan- nofs il-port u hawn erġajna imblukkajna l-port.

Hawn wieħed għandu isemmi li kif il-kaptan ta’ dan il-vapur induna x’hinu jiġri beda’ jdoqq il-horn tal-vapur b’appoġġ.

L-għada fil-ħamsa ta’ filgħodu ġew il-pulizija d-dar u arrestawni u domt arrestat 30 siegħa flimkien ma’ numru ieħor ta’ ħaddiema.

Wara li għaddew 30 sena min din il-ġrajja storika jien inħossni kburi li kont protoganista. Il-fatt li l-klassi tal-ħaddiema kienet konvinta bli qiegħda tagħmel kien imlina b’kuraġġ kbir li Malta għandna inħalluwa ħielsa għal dejjem.

J.B. Mansueto
  1. X’kien is-sehem tiegħek fil-protesta anti-nukleari li wassal għall-imblokk tal-Ark Royal li tidħol fil-Port il-Kbir?

L-istorja bdiet meta konna qedin niltaqgħu dak li konna nsejħulu r-reform committee tat-tarzna. F’dan il-grupp li konna kemm trejdunjonisti, membri tal-kunsill u tal-kumitati tax-xogħol konna niddiskutu fuq kollox dwar it-tarzna u anke l-GWU.  It-Tlieta 23 ta’ Ġunju konna qed niddiskutu l-kwistjoni tal-vapuri nuklejari . Sammy kien talab lil kulħadd biex l-għada nerġgħu niltaqaw u nigu b’idejat kif nagħmlu protesta.

Aħna w naqsmu il-baċir nru. 4 biċ-ċajt għidt lil Joe Zahra d-Dealer u ppuntajt subgħajja lejn il-Copper Mountain u għidtlu “issa Ġuż kieku naqbdu dak it-tanker u nankrawh mal-breakwater taħseb li jidħol xi vapur fil-port? ”Bdejna nidħqu għax il-vapur kien dead ship u l-magni tiegħu ma kienux jiffunzjonaw u sa dak il-ħin allura kienet aktar ċajta milli xi ideja.

L-għada meta ltqajna l-kumitat, id-Dealer qal lil Sammy “Mansuetu se jaqbad il-Copper Mountain u jagħlaq il-brejkwater. Sammy qal iva din ideja tajba. Qbist jien fil-pront u għidtlu dak biċ-ċajt għidtlu hekk għax il-Copper Mountain ma għandux magni u biex tieħdu u tankrah hemm trid 4 tugs ghax dead ship u kbir wisq. Sammy ma riedtx jaf u qal naraw kif nagħmlu u nġibu 4 tug boats.

U fi ftit siegħat fassalna pjan kif nieħdu taħt idejna 4 tugboats li dak iż-żmien kienu jkunu marbuta ħdejn il-Monument tal-Ħelsien il-Birgu u nagħmlu l-move bil-Copper Mountain sa l-brejkwater. Kellu jsir meeting fil-brejk jekk mhiniex sejjer żball ħdejn ir-Rialto minn KMB u fl-aħħar kellu jinħaraq murtal bħala sinjal biex nies magħżula jieħdu f’idejhom it-tugboats u jġibuhom mal-Copper Mountain.

Konna ftehmna wkoll li mal-murtal navżaw lill Michael Parnis biex joħroġ il-ħaddiema tax-Shipbuilding biex jimblokka t-triq tal-Marsa lejn Bormla.

Jien dak in-nhar bqajt il-ħanut tal-ħaddieda u konna ftehmna li mal-murtal nitla’ fuq il-Copper Mountain biex nipprepara fejn se norbot it-tugboats. Mal-murtal tlajt li skala nistenna. U f’ħin minnhom rajt xena li qabbdittni l-bard. Armata sħiħa ta’ xi elf u aktar ħaddiema ġejjin lejn il-Copper Mountain bi bnadar ħomor u Maltin jaqsmu minn fuq l-kxaxen tal-baċiri 4 u 5. F’kemm ili ngħidlek din l-armata bdiet tiela’ kollha abbord it-tanker.

Ġiet l-ewwel tug, il-Mari  u jiena rbatta mal-poppa ħalli tiġbed it-tanker. Wara waslet ukoll il-Feliċa u rbatta push pull mal-pruwa tax-xellug. Kien jonqosni tnejn oħra waħda push pull il-poppa u l-oħra along side fin-nofs. Imma t-tnejn l-oħra ma ġewx. Sadanittant fil-geġwiġija li kien hemm b’mijiet ta’ ħaddiema fuq id-deck bdew jinħallu ċ-ċimi minn mal-moll neħħew li skala u t-tanker ġie għal-rieħu. Jien ridt li nistenna t-tugs l-oħra ghax inkella ma kontx nista ndawwar it-tanker mal-bwejba għax kien hemm tanker ieħor ta’ l-Olympic, Olympic Pride mingħalija, u bżajt li naħbat jew neħel miegħu jien u ndur għal-brejkwater.

Pero is-sitwazzjoni kienet konfuża u wara ħafna argumenti ma’ Sammy qbadna t-triq lejn il-brejkwater. Radio ma kellix, allura biex nagħti li struzzjonijiet lit-tugs bdejt il-ħin kollu niġri mil-poppa ghal pruwa. Mnalla kien għad kelli 28 u kont fit għax kieku kont naqa’ żorba. Rnexxielna nduru mal-bwejba mingħajr problemi. Darba minnhom it-tug boat Mari li kienet qed tiġbed il-poppa tajta sinjal biex tipponta l-pruwa tagħha għal ġo Bighi biex it-tanker jagħmel tight turn ħa jiddritta, imma tant għamlitha sharp illi mielet sew lejn il-lemin. Imma mbgħad iddrittat u t-tanker kien miexi ezatt dritt lejn il-brejkwater.

Sadanittant, kif qbizna Sant’ Anġlu beda jdur fuqna fil-baxx helicopter u fil-bokka tal-port kien hemm diġa lanċa tal-Forzi Armati. Meta konna quddiem Bighi bdejt il-manuvra biex inġib it-tanker parallel mal-brejk water u beda jdur mil-pruwa lejn ix-xellug. It-tanker ħa rankatura sew u beda ġej la ġemba mal-brejkwater bi ftit saħħa. Jien u Sammy morna l-pruwa ħalli nitilqu l-ankri. Meta t-tugboat zammet ir-rankatura u t-tanker tmewwet bdejna nitilqu l-ankri.

Ezatt dak il-ħin ġie fuqna l-helicopter, kważi anqas minn żewġ sulari fuqna u bis-sadid li beda jtir minn mal-katina hi u ħierġa u r-riħ tar-rotor tiegħu jien u Sammy sibna ruħna go sħaba sadid li ġabitna kannella. Meta tlaqna l-ankri mort niġri l-poppa, biex nitfgħu ċ-ċimi lejn taħt iż-żiemel. Hemm hekk kien hemm żewġ bollards tal-boom defence ta’ żmien il-gwerra u kienu sodi biżżejjed biex norbtu tanker. Ridt ukoll intieh żewġ ċimi mal-bollards tal-brejkwater imma peress li kien hemm il-lanċa tal- FAM għidna aħjar le ħalli nevitaw li jintervjenu.

Sadanittant, konna ppjanajna li warajna joħorġu barkun bi speċi ta’ scaffolding fuqu biex inkunu nistgħu ninżlu miegħu. Imma ġara li dan il-barkun għamluh fuq in-naħa tal-brejk water flok fuq in-naħa ta’ ġewwa għal-kenn tal-mewġ. Allura biex ninżlu ridna nittajmjaw it-tbandila tal-barkun u naqbżu fuqu eżatt kif imiss mal-vapur. U malli jmiss jerġa jitbandal il-barra xi 10 piedi. Kien ftit perikoluz biex ninzlu imma rnexxielna.

Kif lestejna rġajna lura lejn it-tarzna irbatna t-tug boats u nistennew x’se jiġri għada. L-għada l-ġimgħa, kienu bdew ix-xogħol biex iħollu t-tanker u jiftħu l-port. Imma peress li kellu l-ankri barra u ma kienx hemm steam fuq it-tanker ma setgħux jittellgħu l-ankri u kull ma ghamlu kien li ħallew iċ-ċimi ta’ taħt iż-żiemel u dawruh biex rabtuh mal-jetty tar-rikasli eżatt mat-Tank Cleaning Farm. B’hekk il-Ġimgħa filgħaxija id-daħla tal-port reġat kienet mingħajr ostakolu.

Din kienet ifferoċjatna xi ftit u eżatt wara l-mass meeting tal-MLP fin-niżla tal-Kurċifiss, inġbrna wara t-trailer u ftehmna li l-għada s-Sibt, meta allura kellha tasal l-Ark Royal nidħlu kollha t-tarzna u noħorġu l-braken f’nofsil-port.

Iżda s-Sibt filgħodu l-affarijiet ħadu żvolta differenti. Qabel bdejna noħorġu l-braken ġew issegati ċ-ċimi tal-Olympic mal-bwejba u tanker issa dar bir-riħ u għalaq il-port eżatt quddiem il-ponta ta’ l-Isla. Imma anke hawn kien irnexxielhom jistartjaw il-magna u l-vapur waħdu mmanuvra u beda ħiereġ lejn il-brejkwater biex isiefer.

Meta rajna hekk bdejna nduru mat-tarzna u naqbdu l-braken li kien hemm norbtuhom flimkien u noħorġuhom għal nofs il-port u f’kemm ilini ngħidlek il-port quddiem il-ponta ta’ l-Isla stajt taqsam lejn il-belt minn fuq il-braken. Ftit wara bdew ġejjin il-partol boats imma hawn hekk iffaċjajnihom u minkejja l-gass tad-dmugh li tefghulna saħansitra kien hemm min ipporova jidħol f’waħda minnhom bil-Feliċa. Fuq din il-patrol boats irtiraw lejn Bighi u ħallew kollox kif inhu. U kien hawn hekk meta rrejalizzajna li ċedew kollox u meta sirna nafu li l-Ark Royal marret San Pawl bdejna niċċelebraw bit-tisfir tat-tugs. Fl-aħħar mil-aħħar għaddiet tagħna għax l-Ark Royal daħlet San Pawl li fin-navigazzjoni lokali hu meqjus bħala open sea port u mhux port bħal Marsaxlokk, Marsamxett jew il-port il-Kbir.

  • Ghaliex taħseb li kienet importanti?

Naħseb kienet importanti biex turi li l-ħaddiema, għalkemm bil-boiler suits u mimlija żjut jafu x’tgħid il-kostituzzjoni u għamlu l-almu tagħhom biex jiddefenduha. Tinsiex. Lilna kienu jgħidulna “Tejologi tal-Boiler Suit”

  • Kemm kienet suċċess il-protesta?

Il-fatt innisfu li l-Ark Royal daħlet San Pawl u mhux fejn kien oriġinarjament intenzjonat, cioe, fil-Port il-Kbir kien ta’ suċċess biżżejjed. L-Ark Royal qatt ma daħlet l-ebda port dak inhar imma baqgħet fl-open sea.

  • Tista’ tagħtini rakkont tal-affarijiet li seħħew dakinhar u immedjatament wara?

Wara konna ġejna arrestati, tiegħi kienet il-Ġimgħa jekk mhux sejjer żball fit- 22 ta’ Lulju 1988 pero żgur il-ġimgħa kien u konna l-ewwel 4. Kienu ġew għalija fil-4.00 ta’ filgħodu u domt hemm sas-Sibt fil-5.00. kienu saruli żewġ interrogazzjonijiet. U kienu baqgħu jarrestaw sa ġimgħatejn wara meta mbagħad kollox waqa f’ħesrem.

  • Illum 30 sena wara x’sodisfazzjon għandek li kellek sehem important f’din il-ġrajja storika?

Il-fatt li hija ġrajja storika, minna nfisha ttini sodisfazzjoni li kont instrumentali fiha aktar u aktargħal fatt illi dak li ppjnajna biex nagħmlu għamilnieh u li skop ta’ dak li għamilna gie milħuq kollu kemm hu.

Joseph Gafa

Jien, Joseph Gafa, dak iż-żmien kont impjegat tat-Tarzna bħala Coxswain (insuq it-tug boats) u dak iż-żmien ħassejt li kelli nagħti l-kontribut tiegħi kontra n Nukleari u anke ħeġġiġt lil sħabi biex jieħdu parti.

Għaldaqstant bdejna billi nieħdu miżuri biex l-aircraft carrier Ark Royal ma tiddaħħalx fil-Port il-Kbir. Dan billi nharil-Ħamis, jien ħadt ħsieb biex niggwida minn fuq il-vapur Copper Mountain żewġ tug boats, iċ-Ċetta u il-Mari. B’hekk inġibed il-vapur Copper Mountain minn mal-Baċir Numru 6 taċ-Ċinizi għal bokk tal-port, fejn ġie ankrat minn taħt iż-żiemel għal taħt ir-Rikażli u għaldaqstant ikun ta’ ostaklu għad-dħul tal-biċċiet tal-baħar fil-Port il-Kbir.

Għalija din kienet importanti ħafna, għalija, għal uliedi u għal pajjiżna għax dejjem kont mgħallem kontra n-Nukleari u qatt ma ridt li dan ikun il-bidu ta’ xi ħaġa li tista’twassal għal xi ħaġa ħafna akbar.

Kontra dak kollu li għamilna l-Ħamis, il-Ġimgħa ġew mogħtija struzzjonijiet mill-awtoritajiet lit-Tarzna biex il-vapur Copper Mountain jitneħħa mill-bokka tal-port u fil-fatt, hekk għamlet it-Tarzna u għaldaqstant, id-dħul tal-port kien liberu. 

Il-Ġimgħa fil għaxija waqt attivita taħt it-Telgħa tal-Kurċifiss gie miftiehem li għandna nieħdu passi ulterjuri kontra kull kurrent. Peress li r-riħ kien qed jonfoħ mix- Xlokk, Xlokk Lvant, ftit qawwi, jien irrealizzajt  li vapur ieħor li kien fit-Tarzna għat-tiswija f’Boiler Wharf (North)bl-isem jidhirli Olympic Glory, seta’jintuża għal skopijiet tagħna. Dan billi ħallejna ċimi tal poppa u bl-għajnuna tar-riħ idur waħdu għal ġo nofs il-port.

Dan kollu għamilnieh is-Sibt filgħodu. Waramort u qbadt il-Felice tugboat, ħadt il-kexxun (bieba kbira) tal-Baċir Numru 5 u ġbidtu għal bejn il-ponta tal-Isla u d-Dwana tal-Belt, fejn ġie ankrat fin-nofs. Wara dħalt il-Birgu Waterfront fejn minn hemm ġbidt vapur ieħor żgħir bl-isem Iż-Żejtun u ħriġtu bid-dritt Sant Anġlu f’nofs il-port u ħallejtu hemm.

Sadanittant inġemgħu ħafna nies fuq iż-żewġ naħat tal-port u sakemm jien li kont qiegħed insuq il-Felice lejn il-moll tal-Isla biex jinżel wieħed mill-crew, ġriet warajna l-patrol boat. Kien hawn hekk fejn ġejna milquta b’ħafna gass tad-dmugħ sparat mill-patrol boat tal-Forzi Armati u fost tensjoni u kaos kbir irnexxieli ndaħħal il-Felica mal-moll fejn wara ġejt rikoverat il-Maċina.

Madwar xi tmint ijiem wara,waqt li kont qiegħed nagħmel il-ħobż tat-tfal għall-iskola, spiċċajt ġejt arrestat minn ġo dari fejn bis-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien ma nawgura lil ħadd li jgħaddi minn dak li esperjenzajt, fejn ġejt mixli b’kull tip ta’ kriminalita li wieħed jista’ jimmaġina propju għax kont qiegħed insuq it-tug boat.

Il-Pulizija fil-frattemp, marru d-dar tiegħi, fejn bla ebda skrupli qallbuli kull ma kelli sabiex jippruvaw isibu li riedu iżda minn dak li riedu ma sabu xejn. Wara li ġejt meħlus u erġajt bdejt immur għax-xogħol, erġajt ġejt arrestat għat-tieni darba fuq l-istess każ.

Huwa ta’ sodisfazzjon kbir illum għalija li tajt sehmi għal kawża daqshekk ġusta  30 sena ilu, li sa issa aktar minn qatt qabel, inħoss li qiegħed fuq in-naħa it-tajba tal-istorja.

Bkejt u qlajt kemm flaħt imma l-prinċipju dejjem żammejtu anka meta naf li kont qiegħed niġi mhedded. Illum bħala Maltin nistgħu niftaħru li jien u sħabi konna strumentali biex tiġi miktuba l-istorja ta’ meta Malta b’suċċess ma ħallietx aircraft carrier nukleari tidħol f’pajjiżha.

Micheal Parnis
  1. X’kien is sehem tiegħek fil-protesta anti-nukleari li wassal għall-imblokk tal-Ark Royal li tidħol fil Port il-Kbir?

Jien kont nifforma parti minn kumitat zgħir li flimkien ikkoordinajna l-istrategija għall-imblokk tal-portijiet flimkien ma’ protesti li saru qabel. Prattikament kont il-persuna li mexxejt il-ħaddiema qalbiena tal-Malta Shipbuilding waqt dawn il-protesti.

  • Għaliex taħseb li kienet important?

It-theddida għall-politika ta’ Newtralita ta’ Malta, li tant kienet għal qalb il-ħaddiema Maltin (speċjalment dawk tat-Tarznari), kienet ċara kristal. Wara 15 -il sena ta’ Gvernijiet Laburista, l-Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista ried ikisser kollox. F’anqas minn sentejn mill-elezzjoni ġejna affaċjati b’din it-theddia, fejn l-HMS Ark Royal u il-bastiment HMS Edinburgh, fi triqithom għal taħriġ militari bl-isem OutbackSS, ħtieġilhom jagħmlu żjara f’Malta. Il-ħaddiem Maltin mmexxi mill-MLP u l-GWU riedu juru li dak li ħadmu għalih fis-snin preċedenti ma kienx sempliċiment ser jitħassar u jintrema mar-riħ.

  • Kemm kienet suċċess il-protesta?

L-MLP u l-GWU kienu qed jitolbu garanzija li l-bastimenti mhux armati nuklejarment. Il-Gvern ma tax din il-garanzija għalhekk id-deċiżjoni kienet li dawn ma jithallewx jidħlu fil-port il-Kbir. F’hin minnhom kellna informazzjoni li l-bastimenti kienu ser jidħlu fil-port ta’ M’Xlokk. Il-Port il-Kbir ingħalaq permezz tat-tanker Copper Mountain il-Ħamis wara nofs in-nhar u il-port ta’ M’Xlokk ingħalaq permezz ta’ braken u tug boats il-Ħamis bil-lejl. Is-suċċess joħroġ mill-fatt li l-Ark Royal ingħatat direzzjoni biex tidħol il-Port il-Kbir is-Sibt filgħodu wara li tneħħa l-Copper Mountain. Min bħali u sħabi kien qiegħed l-Isla is-Sibt filgħodu seta’ jara ċar l-Ark Royal qrib ħafna tal-port il-Kbir u rajna sew li hekk kif ittellgħet il-bandiera ħamra fuq it-turretta l-istess Ark Royal dawret id-direzzjoni lejn San Pawl il-Baħar fejn ankrat barra fil-baħar miftugħ.

  • Tista’ tagħtini rakkont tal-affarijiet li seħħew dak inhar u immedjatament wara?

Bħala l-persuna li mexxejt il-ħaddiema tal-Malta Shipbuilding kelli diversi laqgħat fil-kumitat ta’ azzjoni li semmejt fil-bidu u wara kont nimforma lil kumitat ta’ tmexxija tal-GWU fl-istess Shipbuilding biex flimkien inħejju l-istrateġija għall-partijiet li kienu responsabilta’ tagħna. L-ewwel attivita saret l-Erbgħa fejn jien flimkien ma’ 11 il-persuna oħra ilbisna ta’ skeletri u morna inqassmu leaflets il-Floriana, Blata l-Bajda u fejn il-Marsa Shipbuilding. Inħoloq kaos sħieħ ta’ traffiku iżda l-għan tagħna intlaħaq. Kienet l-ewwel sinjal lil Gvern li aħna lesti għal kollox u mhux ser nċedu. Tajjeb li ngħid li fost dawk li inqabdu fit-traffiku kien hemm il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami u kont jien stess li tajtu leaflet hekk kif għadda minn ħdejja bil-karozza. Ftit wara ġew il-pulizija għalina u kien hemm anke xi inċidenti.

Il-Ħamis f’nofs in-nhar, waqt li l-Ħaddiema tat-Tarzna ta’ Bormla organizzaw meeting u wara ħarġu l-Copper Mountain fil-bokka tal-port il-Kbir il-ħaddiema tal-Malta Shipbuilding ħriġna fit-triq prinċipali li għalaqna għal madwar sagħtejn sħaħ. L-għan kien li l-pulizja u l-armata jiġu devjati sakemm sħabna tat-Tarzna ta’ Bormla jkun jistgħu jaħdmu mingħajr xkiel. Konna nafu li madwarna kien hemm stakkamenti sħaħ ta’ Pulizija u suldati iżda xogħolna għamilnieh sew u żammejna sodi sakemm konna nfurmati l-port magħluq. Ħadd mill-ħaddiema ma kien jaf eżattament x’qed jiġri. Kienu jafu biss li ser issir meeting għall-ħaddiema tat-Tarzna. Kif l-operazzjoni fit-Tarzna tlestiet jien personalment indirizzajt lil-ħaddiema u rringrazzjajthom u għidtilhom li l-port issa magħluq.

Il-Ħamis filgħaxija, flimkiien ma’ madwar 100 ħaddiem tax-shipbuilding morna Birżebbugia fejn hemm konna ta’ sostenn għall-ħidma li saret biex jingħalaq il-port ta’ M’Xlokk. Bqajna hemm il-lejl kollu sakemm filgħodu morna lura għax-xogħol u ġbarna in-nies fejn erġajna tlajna l-Freeport. L-ammont ta’ nies li irrispondew għas-sejħa kien ta’ aktar minn 1000 li flimkien spiċċajna fuq il-break water. Uħud minna marru anke fuq il-braken li kienu qed jagħlqu l-port.

Kien hemm min dam sa kmieni is-Sibt filgħodu fejn imbagħad erħejniela għall-Isla. Fis-6.00 konna diġa fuq it-trunċieri ta’ l-Isla fejn ftit wara bdiet il-ħidma biex jinħarġu l-braken f’nofs il-Port il-Kbir u jinħall it-tanker l-Olympic Rainbow li ukoll intuża biex jingħalaq il-Port.

Tajjeb li jingħad li f’ħin minnhom, fuq ix-Xatt tal-Belt tniżlet il-‘gang way’ li permess tagħha SUPPOST niżlu l-baħrin Ingliżi, liema ‘gang way’ ma ‘ntużatx għal ragunijiet ovji.

Ftit wara li tkellem Dr. Karmenu Mifsud Bonnici morna l-Florianana ramaw għal meeting li kellu jssir aktar tard.

  • Taħseb li kella effett fuq il-livell internazzjonali?

Fl-1988, it-trade Unions Ingliżi kienu għaddejjin minn inkwiet kbir fi żmien l-era Thatcher. Wara id-disfatta fl-1985 fl-istrajk tal-minieri (li dam sejjer sena) it-Trade Unions Ingliżi kienu qed jissieltu għall-eżistenza tagħhom. L-azzjonijiet f’Malta bħal niżlu balzmu għat-tmexxija tat-Trade Unions Ingliżi. Perosnalment fl-1989, sena wara l-imblokk tal-portijiet f’Malta kont qed nattendi course ġewwa Eastbourne l-Ingilterra fejn f’waqt minnhom Is-Segretarju Edukattiv ta’ T&GWU talabni immur miegħu għal-laqgħa ma’ l-għola uffiċjali ta’ l-istess union. Ddħalt ġo kamra li fiha kien hemm, madwar mejda tonda, 9 persuni fosthom is-Segretarju Ġenerali. F’nofs il-mejda kien hemm mappa kbira ta’ Malta u waħda iżgħar tal-Port il-Kbir u l-area tal-madwar. Talbuni nispjega kif irnexxielna nagħmlu dak li għamilna, iżda b’mod partikulari kif iddevjajna l-forzi ta’ l-ordni. Għalkemm eċittat, spjegajt fid-dettal. Sirt naf li huma ukoll kellhom ħsibijiet li jagħmlu protesti simili fl-Ingilterra. Dak li għamilna aħna f’Malta kompla jissemmgħa waqt konferenzi Internazzjonali u anke ġewwa l-Ingilterra stess fis-snin ta’ wara. Meta illum niltaqa’ ma xi uħud minn sħabi (barranin) ta’ dak iż-żmien għadhom isemmuli dan l-avveniment u kemm kien ta’ ispirazzjoni għalihom. “Tikka żgħira rnexxiela twaqqaf il-Gvern Ingliż milli jagħmel li jrid”.

  • Illum 30 sena wara x’sodisfazzjon għandek li kellek sehem important f’din il-ġrajja storika?

Fl-1988 kelli 27 sena u kelli tifel ta’ sena. Ħrigt mid-dar il-Ħamis filgħodu u dħalt lura is-Sibt fil-għaxija. Ma ħsibt xejn x’jista jiġri u flimkien ma’ ħaddiema tal-Malta Shipbuilding affrontajna kemm l-forzi ta’ l-ordni Maltin, il-Gvern kif ukoll konna lesti għal dak kollu li jista’ jiġri. Għandi unur kbir li mexxejt lill-ħaddiema qalbiena tal-Marsa u li magħhom sofrejt ħafna kemm qabel kif ukoll wara dawn l-inċidenti (fosthom anke arresti). L-għaqda u d-determinazzjoni li urejna dak in-nhar komplew jispiraw kemm lilna stess f’Malta (speċjalment lil istess fil-GWU) kif ukoll trade unions oħra barranin. Nemmen li dan l-avveniment għandu jibqa’ jiġi mfakkar kull sena u ma jintesa qatt.