Dan l-aħħar il-Partit Nazzjonalista ħabbar li jekk u malli jitla’ fil-gvern jagħmel bidla fl-income tax biex jgħin is-self-employed u l-entrapriżi żgħar. Il-Partit Nazzjonalista qal li jrid li dawn jinċentivhom biex jimxu aktar il-quddiem u li b’hekk l-ekonomija ta’ Malta tikber. Skond l-istess Partit Nazzjonalista, bit-tibdil li jrid jagħmel, is-self-employed u s-sidien ta’ entrapriżi żgħar jiffrankaw bejn €3,595 u €12,500 kull wieħed fis-sena f’taxxa, u l-gvern jonqoslu dħul ta’ €85m fis-sena mill-income tax.
Billi huwa ovvju li anke ħaddiema oħra huma neċessarji biex l-ekonomija taħdem u timxi l-quddiem, il-Partit Nazzjonalista żied jgħid li aktar il-quddiem bi ħsiebu li jressaq tibdil simili għall-kumpaniji l-kbar. Fir-rigward tal-ħaddiema tal-paga il-Partit Nazzjonalista qal biss li l-entrapriżi iż-żgħar ikunu mistennija li joffru “kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti” iżda mhux se jibbenefikaw xejn minn tnaqqis fit-taxxa.
Kieku l-Partit Nazzjonalista kellu jattwa din il-bidla bla ma joffri l-istess lill-ħaddiema tal-paga, mhux spinta lill-ekonomija jkun qiegħed jagħti, imma jkun qiegħed jibda gwerra oħra kontra l-klassi tal-ħaddiema tal-paga f’Malta. Fost ir-raġunijiet li juru dan il-fatt hemm:
- L-ekonomija ta’ kull pajjiż f’kull zmien hija frott tal-isforzi tal-klassijiet soċjali kollha li jkunu qegħdin jipproduċu, mhux ta’ xi kategorija waħda biss. Allura l-income tax għandha tinġabar l-aktar minn għand min jaqla’ l-aktar; u tinġabar l-anqas minn għand min jaqla’ l-anqas.
- Il-ħaddiema tal-paga huma l-uniku grupp f’Malta li jħallsu l-income tax qabel ma tidħol il-paga (permezz tal-PAYE), kif ukoll huma l-uniku grupp li ma jistax jevadi it-taxxa għax kollox jidher. Min jgħix mill-profitti għandu elf mezz kif jevadi l-income tax.
- Il-ħaddiema tal-paga diġa huma wkoll żvantaġġjati fl-income tax bil-mezzi li jeżistu biex profitti tas-sidien jitpoġġew ġewwa moħbiet (tax havens) fejn ma titħallasx taxxa. Jekk xi darba kien hemm dubju dwar dan, illum żgur li ma hemmx, għax kulħadd jaf bil-Luxleaks, l-Iswissleaks, u l-Panama Papers.
Kollox jindika li l-Partit Nazzjonalista mhux se jirbaħ l-elezzjoni li jmiss. U b’din il-proposta aktar se jitlef appoġġ ghax il-ħaddiema tal-paga huma ħafna akbar fin-numru minn kull kategorija oħra fis-soċjeta. B’danakollu il-ħaddiema tal-paga għandhom jopponu bil-qawwa din il-proposta tal-Partit Nazzjonalista immedjatament minn issa, u jinsistu li kull tnaqqis mit-taxxa ikun jgħodd għall-ħaddiema tal-paga wkoll. Din il-proposta hija inġusta mal-ħaddiema tal-paga u toħloq aktar firda fix-xogħol, u aktar inugwaljanza soċjali.
Il-ħaddiema għandhom jaraw ukoll li l-unions jopponu din il-proposta pubblikament sakemm ma tkunx tgħodd għall-ħaddiema wkoll.