
In-North Atlantic Treaty Organization (NATO) hija organizzazjoni li inħolqot fl-1949 suppost bħala difiża komuni għall-pajjiżi tal-Ewropa u l-Istati Uniti u l-Kanada. Iżda kulħadd jaf li matul kemm ilha teżisti, flok difiża wettqet gwerrer sħaħ kontra pajjiżi li qatt ma kienu ta’ xi theddida kontra xi pajjiż tan-Nato. Barra minn hekk, bl-akbar ipokrizija in-Nato tgħid li tiddefendi id-demokrazija, meta fil-verita sa kienet waslet li, flimkien mal-armata Griega fl-1967, wettqet kolp ta’ stat fil-Greċja u neħħiet id-demokrazija minn dan il-pajjiż.
Għalhekk meta ftit ilu ġie Malta il-kap tan-Nato, Jens Stoltenberg, u qal li jrid li Malta taħdem man-Nato biex pajjiżi żgħar, bħal Malta, ikunu protetti, kien qiegħed jipprova jiddieħaq bina.
Fil-Greċja, fl-1967 kienet se ssir l-elezzjoni ħielsa biex il-poplu Grieg jaħtar il-parlament u l-gvern, kif jiġri f’kull demokrazija parlamentari. Il-jum tal-votazzjoni kellu jkun it-28 ta’ Mejju u kien jidher li l-poplu Grieg se jtella’ gvern soċjalista. Iżda n-Nato kellha pjanijiet differenti. Ftehmet mas-Central Intelligence Agency (CIA) tal-gvern Amerikan u mal-kbarat tal-armata Griega biex jittwettaq kolp ta’ stat, u l-elezzjoni titħassar biex żgur ma jitlax gvern soċjalista. U hekk seħħ.
Ftit ġimgħat qabel l-elezzjoni, fil-21 ta’ April, il-kbarat tal-armata, kollox għal għarrieda, ordnaw lill-armata Griega tinvadi bit-tankijiet tal-gwerra l-belt kapitali Ateni, iddikjaraw li spiċċat id-demokrazija u fformaw ġunta faxxista magħmula minn uffiċjali għoljin tal-armata biex tmexxi l-pajjiż bis-saħħa militari flok li ssir l-elezzjoni kif titlob id-demokrazija. Naturalment il-poplu Grieg kien kontra dan il-kolp ta’ stat faxxista imwettaq mill-armata Griega, min-Nato u mis-CIA.
Izda is-saħħa militari kienet qalila wisq. Fi ftit tal-ġranet kull min ipprotesta ġie arrestat, ittorturat u mitfugħ il-ħabs. Il-mexxejja soċjalisti u l-mexxejja tal-unions ukoll mill-ewwel ġew arrestati u mitfugħin il-ħabs, bla raġuni ta’ xejn. Il-partiti politiċi u l-unions ġew żarmati u spiċċaw id-drittijiet ċivili u industrijali kollha. Id-dimostrazzjonijiet saru illegali u l-gazzetti gew iċċensurati u ħadd ma seta’ jikkritika lill-ġunta faxxista.
Għalkemm kien hemm ħafna gvernijiet demokratiċi li ikkundannaw lil din il-ġunta faxxista, il-gvern tal-Istati Uniti kif ukoll in-Nato komplew jagħtuha l-appoġġ kollu inkuż l-appoġġ militari peress li kienu kompliċi mal-armata Griega.
Id-dittatura faxxista tal-armata u tan-Nato ġiet fi tmiema seba’ snin wara, fl-1974. L-istudenti tal-universita ta’ Ateni għamlu strike u sit-in fl-universita u ħaduha f’idejhom fl-14 ta’ Novembru, 1973, jitolbu li terġa tidħol id-demokrazija. Tlett ijiem wara, il-kbarat tal-armata ordnaw attakk militari bit-tankijiet tal-gwerra kontra l-istudenti. Dan l-attakk sar bil-lejl u nqatlu diversi studenti mill-armata Griega appoġġjata min-Nato. Dan l-inċident kien il-bidu tat-tmiem tad-dittatura għax l-oppożizzjoni kontra l-ġunta tant kompliet tikber li fl-Lulju tas-sena ta’ wara, 1974, il-ġunta faxxista tan-Nato kella iċċedi l-poter.
Din il-ġrajja turi wkoll kemm kellu raġun il-Perit Mintoff, malli fl-1972 ġie elett Prim Ministru ta’ Malta, ikeċċi minn Malta lill-Armirall Birindelli, li kien il-kap tan-Nato fil-Mediterran.
Importanti wkoll li ngħidu illi fl-1991, il-President tal-Istati Uniti, Bill Clinton, għamel apoloġija pubblika f’isem l-Istati Uniti talli kienet kompliċi fit-tkissir tad-demokrazija fil-Greċja meta suppost li hija pajjiż li jippriedka id-demokrazija.
Sadanittant il-kap preżenti tan-Nato, Jens Stoltenberg, meta ftit ilu kien Malta ipprova jbellgħahielna li Malta għandha tikkopera man-Nato. Iridna nikkoperaw fil-gwerrer kontinwi tan-Nato u fid-dittatura faxxista.